Dun Karm kiteb dan il-kapolavur bejn l-1936 u l-1938, u skont Oliver Friggieri fl-introduzzjoni kritika għall-edizzjoni tal-1988; “B’ Il-Jien u Lilhinn Minnu l-letteratura Maltija kisbet l-aqwa aspett tax-xeħta adulta tagħha, u ma baqgħetx korretta d-definizzjoni fqira tagħha f’termini folkloristiċi, soċjali u nazzjonali biss, termini elementari li l-poeta għandu s-saħħa li jħaddanhom fl-istess waqt li jinfetaħ biex jiftiehem fit-termini tal-akbar rilevanza, jiġifieri umana […] Dun Karm għola ‘l fuq mill-art ta’ kulma hu kontinġenti, u ħareġ ħafna ‘l barra mill-qafas ta’ l-ispunti individwali u intimi”.
Tista’ taqra l-poeżija minn hawn taħt, jew tniżżilha minn hawn.
Il-Jien u Lilhinn Minnu
Ħsiebi bħal agħma; biex isib it-trejqa
itektek bil-għasluġ kull pass li jagħti;
jimxi qajl qajl u qatt ma jaf fejn wasal;
dalma kbira tostorlu l-kif u l-għala,
u d-dawl li hu jixtieq qatt ma jiddilu.
Ħsiebi bħal agħma, u dik id-dalma sewda,
bħal marda li tittieħed, tmissli ‘l qalbi
u ddawwarha bin-niket, bħalma ż-żraġen
tax-xewk u tal-għolliq idawru x-xitla
tal-ward u joħonquha. Minn ġol-ħondoq
tad-dwejjaq kiefra jien għajjatt imbikki:
“Għajjew għajnejja tħares bla ma tara,
u qalbi nfniet. Min sa jagħtini l-hena
tad-dawl sabiħ? Min sa jurini t-trejqa
li twassalni xi mkien fejn hemm il-milja
tax-xewqa kbira li taħfili ‘l ħajti?”
Ħarist madwari; rajt il-ward ilellex
bl-eluf u jilgħab mal-fewġiet għaddejja;
smajt lill-għasafar moħbijin fix-xuxa
tal-fraxxnu u tal-ħarrub igħannu l-għanja
ferrieħa tal-imħabba u x-xemx mill-għoli
tiddi fuq kollox u bis-sħana wtieqa
tfittex l-egħruq tal-ħajja. Dehra ħelwa!
dehra sabiħa li bennitni f’ħolma
ta’ poeżija u bħal raqqditli s-sensi;
iżda s-sħana tax-xemx ma niżletx f’qalbi;
anqas dijitha ma kisritli d-dalma
illi nġabret fuq ħsiebi.
Lejn is-sema
arfajt ħarsti mixtieqa; eluf ta’ kwiekeb
f’dak il-wisa’ bla tarf rajt ilebilbu
bħalma jagħmel il-ward, meta bil-ħlewwa
tbusu l-fewġa t’April. Madwari l-ħsejjes
tal-ħidma kienu siktu u l-lejl kien firex
l-istar tiegħu bla lewn fuq l-art u l-baħar.
Ħelwa kienet is-siegħa! Fuq ix-xtajta
il-mewġ iħaxwex dik il-għanja ċkejkna
li tħannen għall-mistrieħ; għannej waħdieni
fis-skiet tal-lejl, ir-rużinjol iwieġeb
b’leħen imbikki, u bħala ruħ li tishar
l-arloġġ iwennes lil min jishar bħalu.
Qawwija kienet ħarsti lejn is-sema,
u ħsiebi ttawwal, bħalma tagħmel xitla,
biex jixrob l-ewwel dawl li sata’ jinżel
minn dak l-iżraq bla qiegħ, minn dak il-wisa’
bla truf; u jiena tlabt: “Mulej, urini
it-triq tal-hena; ixgħel ġewwa ħsiebi
id-dawl tal-fehma u minn fuq qalbi neħħi
l-għoqla ħarxa tad-dmugħ.”
Ebda tweġiba.
Hemm kien is-sema bid-djamanti żoroq
tal-kwiekeb jiddu ġewwa ħbub għajnejja;
hemm il-baħar mifrux fid-dalma siekta
iħaxwex l-għanja ta’ tfulitu; moħbi
ġo siġar moħbijin – ruħ imbikkija, –
hemm kien ir-rużinjol itenni l-għanja
li għallmitu l-imħabba; – poeżija
ħelwa li traqqad ix-xejriet tal-ġisem, –
iżda sebħ ma tefgħetx fuq ħsiebi mdallam,
anqas ġo qalbi ma tefgħet is-sliem.
Ħsiebi ħrax f’dik iċ-ċaħda. Bħal min jitlef
tama sabiħa li kien nissel darba
tnehidt: “Kemm niket ġewwa d-djar magħluqa!
kemm krib ta’ morda! kemm uġigħ! kemm dwejjaq!
kemm qirda ta’ ħajjiet fl-aħjar minn tagħhom,
u ħadd ma jwieġeb għat-tnehid tal-bniedem!
Għalfejn ix-xemx? Għalfejn il-kwiekeb żoroq?
Għalfejn il-ward u l-għana tal-għasafar
la ħadd minnhom ma jġib għall-ħsieb imdallam
xi dawl ta’ fehma, anqas għall-qalb muġugħa
taba ta’ faraġ? Għal min jitlob ħniena
x’tiswa ta’ kobor u ta’ ġmiel turija?”
Meta żgħużiti kienet għadha miegħi
u minn ħarsti, minn kelmti u minn mixjiti
kienet taqbeż is-saħħa, oh x’nida ħelwa
ta’ ferħ, ta’ sliema kont ixxerred fuqi,
ja tama tas-smewwiet! Il-kelma t’ommi
għadha f’widnejja ddoqq: “Qatt la tirtema
taħt it-toqol tal-ħajja: jekk in-niket
għad jiġi wara biebek u jdellillek
darek, u tħoss il-ħobż jimrar u jikber
ġo ħalqek, ftakar illi fik, madwarek,
u fid-dawl tas-smewwiet għandek iħobbok
missier ħanin li ma jaħqarx ‘l uliedu,
għax Hu jitma’ ‘l-għasafar, Hu ilibbes
bis-suf lin-ngħaġ u Hu jimla bis-saħħa
lill-ħut fil-baħar; qatt, ibni, la tinsa
il-kelma t’ommok; ommok tgħid is-sewwa.”
U jien emmint u, għax emmint, ftaħt qalbi
għal tama kbira, u l-ward ħeġġeġ madwari,
Ferħa bla temma! Issa li saħħti mielet,
naqset il-kelma t’ommi; u int, ja tama,
m’għadekx fuq ruħi troxx il-barka tiegħek,
għax jien fil-hemm li xxeblek ma’ din ħajti
tlabt lill-missier ħanin li qaltli ommi
u baqgħet bla tweġiba s-sejħa tiegħi.
U bħal ħsieb iswed għadda minn ġo ħsiebi:
“Il-bidu mnejn? It-temma fejn? X’ifissru
it-tajjeb u l-ħażin fl-insiġ ta’ ħajja
maħruba f’qasir żmien? M’hix ħolma ewwilla
dik it-tjieba ħanina li għallmitni
ommi fl-iskola ta’ ħoġorha, meta
tfajjel daħkani ma kontx naf ħaġa oħra
ħlief inħares f’għajnejha u fit-tbissima
ta’ fommha u kienu dawk il-ġenna waħda
ta’ ħsiebi u qalbi? Fis-sahriet lejlija,
meta tiskot il-ħajja u l-kwiekeb żoroq
jittawlu mis-smewwiet fuq dinja mħeddla;
fid-dija ta’ bin-nhar, meta x-xemx tisreġ
fuq il-jasar ta’ nies li taħdem, tħabrek,
tagħnet u tagħraq, biex ma’ wliedha tiekol
il-loqma samra aktarx bid-dmugħ imxarrba,
min qatt issamma’ fil-ħolqien u sata’
jisma’ leħenha? Min qatt ra dawl wiċċha?”
Iżda lil ommi ma ħqarthiex fi ħsiebi,
għax ommi kinet safja u deh’nha qawwi,
u jien ħabbejtha kif iħobb poeta.
Siekta issa qiegħda fit-tgħanniqa kiesħa
tal-mewt fil-qabar ċkejken; biss xbihitha
għadha ħajja quddiemi w itkellimni;
iżd’ ahi! meta xewqan immidd dirgħajja
biex ingħannaqha, ma nsib xejn fi ħdani.
J’ommi, tjieba tassew! tjieba ħanina!
għaliex ma bqajtx hawnhekk biex issabbarni?
għaliex minn ħajti ġiet il-mewt ħatfitek? …
Il-mewt! … Għalfejn il-mewt? Uġigħ u niket,
ħsarat u dmugħ u tifkiriet bla faraġ
għalfejn dħaltu fid-dinja? X’tiswa l-ħajja
la min-nebbieta fil-egħruq moħbija
trabbi s-susa tal-mewt? Mhux bin il-għaqal
tibni biex tħott, tpinġi s-sabiħ u tħassru.
Nofs il-ħarifa. Ahi, kif tislitli qalbi
il-karba twila li bla heda tidwi
fil-għalqa tal-mejtin! Kemm dmugħ imrażżan
fil-ktejbiet minquxin fuq l-oqbra kiesħa!
Kemm ward ta’ ħajja mħarbat qabel żmienu!
Tara tfajjel jiġġerra liebes l-iswed
qalb l-oqbra jfittex dik il-qalb li darba
kienet taqbeż bil-ferħ u taqsam miegħu
l-hena tas-saħħa; b’leħen kiebi jsejjaħ:
“Missier! Missier!” u jieqaf bħal jistenna
it-tweġiba ta’ dari. Ahi! ħadd ma jwieġeb
għajr il-fewġa lubiena li titniehed
ġos-siġar taċ-ċipress u qalb is-slaleb.
Bir-reżħa ġewwa qalbi, id-dlam ġo ħsiebi,
għalxejn naqbad it-triq bejn raba’ u xagħri;
kollox sieket mal-plajja; ix-xemx imkeffna
ġo sħab imdardar tibki dmugħ ta’ dwejjaq
fuq il-għera tal-art; ebda ħaxixa
niedja ma tħaddar; ebda ħoss ferrieħi
ta’ ilma ħaj; il-mewt qiegħda fuq kollox.
Nistaqsi: “X’inhi l-mewt?” Minn ġo ħarruba
tasal il-għanja ta’ bufula. Mgħaġġeb
indawwar ħarsti u nara lill-għasfura
ċkejkna tittajjar minn għasluġ għal ieħor
fuq ruħha, lventa, u fuq kull fergħa tgħanni.
“Fil-għera tal-ħarifa, taħt is-sema
iswed bi sħab li jibki, din il-għanja
ta’ ferħ xi trid? Meta ġo qalbi jagħli
id-dmugħ u jaqbeż minn għajnejja u l-ebda
ħniena ma twieġeb għat-tnehida tiegħi,
x’inhu li jgħaxxaq u bil-ferħ ixabba’
lil din il-ħlejqa li ma tafx dinja oħra
ħlief lill-ħarruba u xiber art ma’ dwarha?”
Għaddiet fewġa qawwija; minn balluta
tfarfret u niżlet mingħajr ħoss titbandal
għamra ta’ weraq isfar. L-art ħanina
laqgħethom bħallikieku biex tidfinhom
mal-mijiet u l-eluf li mietu qabel.
Iżda fuq dak il-friex ta’ weraq mejjet
ħadra u sabiħa baqgħet tħaxwex l-għanja
tal-ħajja s-siġra, sħiħa fuq ġenbejha,
dirgħajha miftuħin u fl-ajru safi
tmewweġ il-kotra ta’ xuxitha. Rqiqa
bħal ħajta tal-ħarir u bħalha ratba
u mżewqa reġgħet ġiet iddoqq f’widnejja
mill-kenn ħadrani tal-balluta kbira
l-għanja ferrieħa tal-bufula. Mgħaxxaq
u f’ħin wieħed miblugħ, għajjatt: “Ewwilla
aħjar mill-bniedem li bi ħsiebu jirkeb
fuq il-kwiekeb u x-xmux u b’qalbu jħaddan
id-dawra tal-ħolqien hi l-werqa ċkejkna
li titwieled f’April u tmut f’Ottubru?
Egħref mill-bniedem dan l-għasfur li jgħanni
fuq il-ħerba tal-mewt bla biża’ tagħha?”
Leħen moħbi ċanfarni: “Kbira bosta
u mkabbra l-mistoqsija. Taħseb inti
li tista’ tgħarrex fil-ħolqien u tifhem
in-nisġa tiegħu? Meta qatt il-baħar
sata’ jinġabar f’qoxra ta’ ġellewża,
jew ġo ħafna ta’ id tidħol id-dinja?
Inti tal-bieraħ. Meta id l-Imgħallem
ħażżet fil-wisa’ t-triq lix-xmux u ‘l-kwiekeb
u xeħtithom bl-eluf jiġru, bejniethom
imwieżna u marbutin b’rabta ta’ mħabba,
min kien xhud ta’ egħmilu? Iżernaq għada
u int ma tkunx: eluf ta’ ħajjin oħra
miegħek jintemmu, iżda l-għejun tal-ħajja
ma jinxfu qatt, u tibqa’ sejra n-nisġa
ta’ ħajja u mewt, ta’ ferħ, ta’ lfiq u niket;
għax min b’għaqal bla tarf ħaseb u sawwar
iż-żewqa kbira tal-ħolqien ra f’ħarsa
il-bidu, in-nofs u t-tmiem, u mħabbtu firex
bħala ġwienaħ wesgħin fuq kbir u ċkejken.
Tibża’ u titnikket meta tara s-sema
mgħajjeb bi sħab sewdieni u xejn ma taħseb
illi ‘l fuq minnu x-xemx tiddi f’miljitha.
L-imħabba twaġġa’; bint il-weġgħa l-hena
u bint il-mewt il-ħajja; tibqa’ wħedha
‘kk ma tmutx il-qamħa, u mill-uġigħ tal-ħlas
tagħraf il-hena l-omm ta’ ħajja ġdida.
Għidli, ma tħossx ġo qalbek u ġo ruħek
xewqa li tisboq kulma jroddu l-ħlejjaq,
xewqa ta’ hena ta’ bla tarf li jibqa’
wieqaf bla żmien u ħaj bla temma? Qiegħda
dik ix-xewqa ġo fik bħalma fil-qamħa
qiegħda moħbija s-setgħa tan-nebbieta;
iżda l-fjur tagħha – fjur ta’ ġid għal dejjem –
fil-ġonna tas-smewwiet ma jiftaħx f’lewnu
jekk qabel, fuq din l-art, ma tmutx imkasbra
iż-żerriegħa tal-ġisem; u mhux għaqli
tibki lill-qamħa u ma tifraħx bis-sbula.”
Ilbitt. Ġo fija bdiet taħdita ħierqa
bejn ħsiebi u qalbi; l-wieħed bħal fuqani
iqum fuq qaddu u jiġbor l-għodda kollha
biex iħares il-jedd li ġieh mis-sura
ta’ min jifhem u jrid. Iħoss il-qawwa
barranija li taħkmu, tagħfsu, tirkbu,
iżd’ hu qalil, jitkagħwex f’dik il-ħakma
iżjed minnu qalila u jixtieq jolqot
bil-għodda tar-raġuni ‘d-driegħ mistoħbi
li b’ħafna tal-azzar iżommu taħtu.
“Mela ma tiswa xejn,” jokrob, “il-fehma
li titħaddet ġo ruħi; dawl bla dija
bħal ta’ musbieħ-il-lejl; jidher fid-dlam
bla ma jsebbaħ madwaru u dlonk jintefa
malli jixgħel dawl ieħor. Daħk u frugħa
kulma jistenna l-bniedem. Mela ħabbat,
ja qalb, ħabbat u egħja! Kull taħbita
tgerrem dqiqa minn ħajtek; meta l-ħeġġa
tan-nervi li jħaddmuk, tad-demm li jsaħħnek
tintemm u inti tiskot, forsi nkunu
nafu x’hemm moħbi.”
Tniehdet l-oħra u kliemha
ħareġ niedi bid-dmugħ: “Id-dwejjaq tiegħi
inħosshom jikbru meta inti mdagħdagħ
tmewweġ bħal baħar u fuq xtuti jiġru
bħal żwiemel maħrubin il-ħalel tiegħek.
Jista’ qatt il-miżien jiddaqqas f’siktu
jekk keffa tkun mimlija u l-oħra fiergħa?
Nitgħaxxaq bik meta, sultan qalbieni,
titfa’ ħarstek dehnija fuq il-ħwejjeġ
tal-art u tas-smewwiet, u b’għaqal sieber
tiżen l-imgħoddi u mill-imgħoddi tobsor
il-ġdid li jista’ jsir, u waħda waħda
tjassar għalik il-liġijiet tal-għaġeb
li tostor in-natura: iżda jekk tinsa
is-sabiħ kollu tal-ħolqien, għax sħaba
tgħajjiblek naħa minnu, u tarmi ħajtek
għax jiddellel xi jum, jiena ninfileġ
u fuqi nħoss għaddej bħal nifs marradi.
Int mexxini bid-dawl tal-għaqal, jiena
nirfdek bil-qawwa tal-imħabba, u nirbħu …”
Bħal id ta’ omm għaddiet ratba fuq rasi
u smajt kliem sieber ta’ twissija ħelwa:
“Kulħadd imsallab, għaliex Kristu msallab;
Hu il-mudell; u min fit-tjieba tiegħu
sawwar il-għaġeb tal-ħolqien u ħadem
f’ġisem il-bniedem dik in-nisġa mżewqa
ta’ għadam, dgħif, għeruq u demm u nervi
li jwieġbu ħelu għall-amar tar-rieda,
ħeba ġo dak it-trab żerriegħa ċkejkna
nebbieta tas-salib; u ma’ kull ħajja
ta’ bniedem tikber dik is-siġra mħattba
u twarrad għali, niket, dmugħ u dwejjaq
bla tarf, sakemm fuq dik il-għuda ħarxa
tintemm il-ħajja li nisslitha. Iżda
mhux għalhekk għandu l-bniedem jitlef għaqlu
u jħares ikreh lejn is-sema. Siġra
imsoqqija mill-għajn ta’ ħniena kbira
is-siġra tas-salib, u mill-ward tagħha
jitnissel l-hena kbir ta’ ħajja ħielsa.
Għarib il-bniedem fuq din l-art imtarrfa;
daru band’oħra, fejn la tgerrem susa
anqas kamla ma tiekol; fejn il-għala
u l-kif ta’ kulma hu u kulma jiġri
jidher bla star fid-dawl li hu minn dejjem.
Iżjed la tistaqsix. Jekk trid ġo ħsiebek
is-sliema u l-hena ġewwa qalbek, emmen!”
Kif tagħmel qalb l-għoljiet ragħda qawwija
li tarġa’ lura minn kull ġenb irdumi
u tidwi ġo widnejk, hekk reġgħet lura
minn kull tarf tal-ħolqien dik it-twissija
u tenniet ġewwa moħħi: “Emmen! Emmen!”
“Emmen!” qalu s-smewwiet fil-kobor tagħhom
u firxu quddiem ħarsti, f’lejl ta’ safa,
bħal xmara twila tal-ħalib, bħal sħaba
ta’ trab tal-fidda u magħha u ġewwa fiha
tleblib ta’ kwiekeb, dawl ta’ xmux u ġiri
ta’ kometi maħruba u ħarsa kwieta
ta’ pjaneti u ta’ qmura. “Emmen! Emmen!”
tenniet l-art, u bħal omm li tieħu ‘l binha
ġo ħoġorha u bis-sabar tal-imħabba
tgħallmu ta’ ktieb miftuħ il-ħżuż mitbugħa
u mill-ħżuż il-fehmiet ta’ min kitibhom,
firxet quddiemi l-ġmiel li bħal sultana
ilibbisha u jagħniha. “Emmen! Emmen!”
għajjat b’leħen ta’ ragħda l-baħar wiesa’
u gerbeb fuq ix-xtut il-ħalel bojod
bir-ragħwa tad-dagħdigħa; “Emmen! Emmen!”
tennieli, u rajtu, f’nofsinhar, imħeġġeġ
jidħaq id-daħka safja tal-imħabba;
rajtu, mera bla nikta u mingħajr mewġa,
fi nżul ix-xemx, itenni sema jsaħħar
fejn ward u deh’b, rubini u lapislazzuli
kienu jinsġu bħal star li qatt sultana
fil-ħajr tal-kobor u fil-għatx taż-żina
ma setgħet toħlom; u fl-għerien ta’ qalbi
il-kelma tas-smewwiet, tal-art, tal-baħar
baqgħet tidwi bħal arpa wara l-aħħar
messa tal-kordi minn idejn l-imgħallem.
Kif wieħed li fil-mixi jasal f’naħa
li t-triq tinferaq f’żewġ fergħat u l-ebda
wiri ma jgħidlu liema t-tajba, jieqaf
u b’għajnejh u b’widnejh xewqan jistaqsi
jekk ewwilla fil-bogħ’d tidherx xi xbieha
ta’ dar il-hena u jekk idoqqx xi leħen
ħabib li jgħidlu: “Din it-trejqa tiegħek,”
hekk jiena wqaft ħosbien fuq dik ix-xewka
fejn tinferaq fi tnejn it-triq tal-ħajja,
it-triq tal-jien u t-triq ta’ lilhinn minnu.
U jiena wkoll għarrixt biex nara liema
waħda minn dawk it-tnejn setgħet twassalni
fid-dar tad-dawl li fehmti kienet tfittex,
fid-dar tal-hena, il-bejta minn ta’ qalbi.
Rajtu madwari l-ġmiel tar-raba’ jħaddar
bis-siġar u l-ħaxix; smajt l-ilma jgelgel
it-tislima tas-saħħa u moħbi jgħanni
l-għasfur ferrieħi l-għanja tar-rebbiegħa;
‘mma ftit lil hinn iċ-ċpar kiber u ħarsti
iddennset u fil-bogħ’d għemiet għal kollox.
Ħassejtni ċkejken f’dak is-skiel ta’ ħsiebi
quddiem kobor bla xtut imkebbeb f’satra
ta’ lejl bla kwiekeb! Xtaqt li kieku nlebbet
lilhinn mid-dawl iż-żiemel tad-deh’n tiegħi
u ninfed dak l-istar, nara x’hemm moħbi
f’dik is-saltna li ħadd ma raġa’ minnha;
iżda ħitan tal-bronż li ebda saħħa
ma’ tista’ ġġarraf, bi theddida ħarxa,
kienu hemm jgħollu rashom lejn is-sema
u jħaddnu x-xiber dawl li haw’ madwarna.
Ħassejtni ċkejken, (għad li l-jien ġo ħsiebi
kien għadu jbaqbaq u jgħid kliem imqareb),
ħassejtni ċkejken bħalma jħossu tfajjel
mitluf minn ommu, u demgħa ċkejkna niżlet
siekta tiżżerżaq ma’ ħaddejja. Ħsiebi
inġabar fih innifsu u bħalma jgħaddi
misjuq mill-majistral is-sħab imqatta’
li jdellel l-art u jgħajjeb il-ġmiel tagħha,
hekk minn fuq ruħi bdiet għaddejja ħiemda
damma ta’ tifkiriet li kienu ħajti,
u tefgħu dell mifluġ fuq l-art ta’ qalbi.
U qalbi tniehdet: “Oh sahriet xitwija,
li għaddejt waħdi ġo kamarti naħseb
u nikteb dak li ħsibt, – nikteb u nħassar
u narġa’ nikteb biex fil-kelma tidher
safja s-sura ta’ ħsiebi, – mela ħolma,
ħolma qarrieqa kienet dik il-wegħda
ta’ hena u ġid li għamiltuli darba;
kollox jintemm qasir; kollox ħuġġieġa
ta’ ward li jiftaħ maż-żerniq filgħodu,
ilellex f’nofsinhar u jbaxxi rasu
biex imut filgħaxija! Oh frugħa fiergħa
ta’ ġid, ta’ għerf, ta’ kobor, u ta’ … mħabba …”
Waqaft. Sabiħa fil-ġmiel kollu tagħha
dehret quddiemi x-xbieha t’ommi. Ħelwa
kienet id-daħka fuq xofftejha: ħelwa
id-dija rżina ta’ ħarsitha; ħelu
dak wiċċha qamħi taħt il-kotra bajda
ta’ dlielha bellusin: u jien ħabbejtha
lil din ix-xwejħa fl-hena ta’ tfuliti,
fil-milja tar-rġulija u għadni nħobbha
bil-qawwa kollha li tagħtini qalbi,
għalkemm siekta fid-dlam ta’ qabar ċkejken.
Le, l-imħabba ma tmutx! L-imħabba tisboq
kull żmien, u tofroq dik is-satra sewda
li taħkem ‘il-ftit dawl li haw’ madwarna;
għax, jekk min sawwar din il-qalb, u fiha
kebbes xewqat akbar miż-żmien u l-wisa’,
jiċħdilha t-temma, jiċħad lilu nnifsu,
u m’hux ħabib tas-sewwa. Għidli, j’ommi,
tmut l-imħabba bil-mewt? jew bħalma jagħmel
farfett li jħalli l-fosdqa fl-art u joħroġ
jittajjar ħieles taħt ix-xemx ta’ Mejju,
tħalli l-imħabba t-trab fejn kienet tgħammar
u fis-sħana ta’ xemx li qatt ma tikfes
tibqa’ dejjem tithenna? Għidli, j’ommi,
li għadek tħobbni kif ħabbejtni dejjem,
li għad iżernaq jum ta’ ferħ, ta’ dija,
u qalbi u qalbek imsoffija bl-ilma
ta’ ħniena kbira, isiru fjamma waħda
fin-nar ta’ mħabba ta’ bla tarf sabiħa!
Ġiet fewġa friska tilgħab fuq ħaddejja
li xerrditli ma’ ġismi bħal tferfira
safja ta’ hena. Oh! kemm irwejjaħ ħelwa
kienet ġabret mill-ġonna dik il-fewġa!
Fil-waqt, mal-plajja, fuq il-ħaxix aħdar
ħuġġieġa ward, fid-daqs, fil-lewn imżewwaq,
kollu sidru miftuħ u qalbu tlellex
bi trab tad-deh’b, kien donnu qed jistieden
lil min ibusu; u bħal miġbud mill-ħlewwa
tal-istedina rajt lin-naħal bieżel
jgħaddas rasu xewqan f’sider il-fjuri
u jiġbor l-għasel u minn fjur għal ieħor
iġorr it-trab tad-deh’b. Fuq ħajt ta’ dwejra,
ftit ‘il bogħ’d minni, żewġ ħamiem tal-barr,
bħalkieku mxaħxaħ f’dik id-dija fietla
tax-xemx ħanina, kien jitbewwes f’ħolma
ta’ xi bejta fil-blat fejn ebda regħba
ma tasal kiefra, anqas ta’ riħ jew xita
ma tiżżarġan il-qilla; u fuq ix-xtajta
tal-baħar ikħal daqs in-nir kont tisma’
tħaxwex mewġa lubiena, bħal żegħila
li dan il-qawwi jaf fil-jum tas-sliema
jagħmel lill-omm li qatt ma tegħja trabbi.
Xi waqt ir-rieda donnha tkun lubiena
u taħkem aktar minnha l-fantasija.
Hekk ġrali jien; misruq mid-dehra kbira
tal-imħabba li tħaddan lin-natura,
mingħajr ma kont naf sewwa x’qiegħed nagħmel,
arfajt għajnejja ‘l fuq, idejja ltaqgħu
swaba’ ma’ swaba’ u bħalma jagħmel tfajjel
meta tmissu l-id t’ommu, nżilt qajl qajla
għarkobbtejja fuq l-art ħadra bin-nifel.
Siket il-jien ġo fija bħalma jiskot
xi drabi l-majistral wara li jheżheż
lis-siġar minn għeruqhom u bi sħaba
ta’ trab imtajjar mit-triqat igħajjeb
l-ikħal safi tal-ajru; u kif mal-waqgħa
tar-riħ fuqani tarġa’ tagħmel dlielha
il-balluta godlija u jarġa’ jtalla’
rasu ċ-ċkejkna l-ħaxix li kien infirex,
hekk, kif siket il-jien, fuq moħħi u qalbi
ġiet il-fewġa tas-sliem, u firxu dlielhom
il-fehmiet tajba u ġewwa sidri tħarrku
ferrieħa t-tqanqiliet ta’ safa u benna.
Qomt mill-art bħal mibdul fi bniedem ieħor;
ħassejt ġo sidri t-tjieba tat-tfulija
u bħal tifel għajjatt: “Aħfirli, j’ommi!
Aħfirli, j’omm! Int biss kont għidtli s-sewwa.
Kelli d-dalma fuq ħsiebi u l-mewt ġo qalbi
għax ridtu minni d-dawl u minni l-hena.
Kont għidtli kelma: ‘L-Jien għadu tas-sema,
u s-sema ma jwiġbux,’ u jiena nsejtha;
ridt li l-kbir jaqdi ’ż-żgħir, u fil-jien tiegħi
ġbart il-jedd tal-ħolqien u d-disinn t’Alla.
Issa qed nara: nifhem kif il-werqa
għandha tidbiel, tisfar u fl-aħħar taqa’
biex tibqa’ ħajja s-siġra u tibqa’ ħadra.
Jien bkejt lill-werqa u xejn ma ħsibt fis-siġra.
Issa qed nifhem it-twissija tiegħek:
‘Iżjed la tistaqsix; jekk trid ġo ħsiebek
is-sliema u l-hena ġewwa qalbek, emmen.’”
Nemmen. Kelma qalila imma sabiħa;
ċaħda tal-jien u l-akbar wetqa tiegħu.
Għaliex jekk kulma nafu ‘l barra minna
emminnieh lilna nfusna u lil ħaddieħor
u f’dik l-emmna wettaqna l-fehma tagħna,
l-akbar wetqa tal-jien Int biss, Mulejja;
għax fiergħa l-kelma tal-bnedmin u tbiddel,
u l-għerf li lbieraħ kien imexxi d-dinja
kellu llum jarġa’ lura fuq mixjitu;
imm’ Inti ma tbiddilx, u l-kelma tiegħek
għadha tinsama’ llum sħiħa u widdieba
bħalma nsemgħet fil-bidu, u tibqa’ tidwi
fuq il-ħerba taż-żmien, sakemm fis-sema
tibqa’ sultana x-xemx u taħtha tibqa’
tħabbat xi qalb. Oh! jiena qed nismagħha,
Mulejja, il-kelma tiegħek, qed nismagħha
titħaddet ġewwa qalbi u ġewwa ħsiebi
b’dik il-ħlewwa li tiġbed, b’dik il-qawwa
li tirbaħ bla ma tgħakkes, b’dik it-tjieba
li taf qalb ta’ missier għal ibnu ċ-ċkejken.
Issa jien ma jien xejn, għax għaraft lilek,
Mulej, li Inti kollox. Kif il-baħar
iħaddan l-art, hekk Inti tħaddan lili,
u jien mitluf ġo fik: Int biss il-bidu.
Int biss it-temma, id-dawl, il-ġid, il-hena
ta’ kulma jien: fik biss il-kif u l-għala
ta’ kulma sar, ta’ kulma jsir ġo fija,
ta’ li jiġri madwari; u kif fuq mera
id-dawl jaħdem ix-xebh ta’ min iħares
u x-xebh ikun id-dawl, hekk jien, Mulejja,
fik nara x-xbieha tiegħi bħal fi ħġieġa
safja bla nikta, u dik ix-xbiha ħajja
mhix ħlief id-dawl li wiċċek jixħet fuqi.
Fieragħ mingħajrek u għaddieni l-bniedem;
imm’ Int sawwartu hekk, sabiex tkun tista’
timlieh u twettqu bik innifsek, terfgħu
mid-dlam tal-mewt għad-dawl ta’ ħajja kbira;
għax kif jaħdem skultur mudell fit-tafal,
u ħsiebu jkun fil-bronż li jiġi wara,
hekk Int ħdimt l-ewwel bniedem – trab mewwieti –
waqt li ħarstek fil-bgħid kienet titgħaxxaq
bi bniedem ieħor, l-isbaħ xogħ’l ta’ driegħek,
kbir daqsek fi ċkunitu. U Inti rajtu
lil dan il-bniedem, bħal misħut imsallab,
fuq demm il-ħtija jxerred demm il-maħfra,
biex jekk, nisel id-dnub, daħlu fid-dinja
il-mewt u n-niket, fuq il-mewt u n-niket
jidħlu, nisel il-ħajr, il-ħajja u l-hena.
Issa mexxini Int, ja dawl tas-sema,
biex ma narġax fil-għama ta’ kburiti;
rażżan ġo fija l-jien, l-għadu tas-sewwa,
biex miegħi tgħammar Int; imxejt biżżejjed
fid-dlam, intektek bil-għasluġ ta’ ħsiebi,
fuq triq imwiegħra, fejn il-mewt tittawwal
minn kull xifer ta’ rdum; xerridt biżżejjed
dmugħ mingħajr faraġ, waqt li t-talba tiegħi
kienet tidwi bla tama ġewwa qalbi,
għax ġwienaħ ma kellhiex biex tifred l-għoli.
Issa mexxini Int, għax fik biss nagħraf
il-għajb tal-jien u l-ġmiel ta’ lilhinn minnu.