Home / News / Rigal tal-Milied mill-KNK: ‘Il-Jien u Lilhinn Minnu’ ta’ Dun Karm back to news Rigal tal-Milied mill-KNK: ‘Il-Jien u Lilhinn Minnu’ ta’ Dun Karm Inizjattivi • Other • Pubblikazzjonijiet 24th December, 2018 Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iwassal ir-rigal tiegħu għal dan il-Milied, u dis-sena ġie deċiż li jkun waħda mill-isbaħ opri letterarji Maltin, u l-isbaħ xogħol tal-poeta nazzjonali, ‘Il-Jien u Lilhinn Minnu’ ta’ Dun Karm. Dun Karm kiteb dan il-kapolavur bejn l-1936 u l-1938, u skont Oliver Friggieri fl-introduzzjoni kritika għall-edizzjoni tal-1988; “B’ Il-Jien u Lilhinn Minnu l-letteratura Maltija kisbet l-aqwa aspett tax-xeħta adulta tagħha, u ma baqgħetx korretta d-definizzjoni fqira tagħha f’termini folkloristiċi, soċjali u nazzjonali biss, termini elementari li l-poeta għandu s-saħħa li jħaddanhom fl-istess waqt li jinfetaħ biex jiftiehem fit-termini tal-akbar rilevanza, jiġifieri umana […] Dun Karm għola ‘l fuq mill-art ta’ kulma hu kontinġenti, u ħareġ ħafna ‘l barra mill-qafas ta’ l-ispunti individwali u intimi”. Tista’ taqra l-poeżija minn hawn taħt, jew tniżżilha minn hawn. Il-Jien u Lilhinn Minnu Ħsiebi bħal agħma; biex isib it-trejqa itektek bil-għasluġ kull pass li jagħti; jimxi qajl qajl u qatt ma jaf fejn wasal; dalma kbira tostorlu l-kif u l-għala, u d-dawl li hu jixtieq qatt ma jiddilu. Ħsiebi bħal agħma, u dik id-dalma sewda, bħal marda li tittieħed, tmissli ‘l qalbi u ddawwarha bin-niket, bħalma ż-żraġen tax-xewk u tal-għolliq idawru x-xitla tal-ward u joħonquha. Minn ġol-ħondoq tad-dwejjaq kiefra jien għajjatt imbikki: “Għajjew għajnejja tħares bla ma tara, u qalbi nfniet. Min sa jagħtini l-hena tad-dawl sabiħ? Min sa jurini t-trejqa li twassalni xi mkien fejn hemm il-milja tax-xewqa kbira li taħfili ‘l ħajti?” Ħarist madwari; rajt il-ward ilellex bl-eluf u jilgħab mal-fewġiet għaddejja; smajt lill-għasafar moħbijin fix-xuxa tal-fraxxnu u tal-ħarrub igħannu l-għanja ferrieħa tal-imħabba u x-xemx mill-għoli tiddi fuq kollox u bis-sħana wtieqa tfittex l-egħruq tal-ħajja. Dehra ħelwa! dehra sabiħa li bennitni f’ħolma ta’ poeżija u bħal raqqditli s-sensi; iżda s-sħana tax-xemx ma niżletx f’qalbi; anqas dijitha ma kisritli d-dalma illi nġabret fuq ħsiebi. Lejn is-sema arfajt ħarsti mixtieqa; eluf ta’ kwiekeb f’dak il-wisa’ bla tarf rajt ilebilbu bħalma jagħmel il-ward, meta bil-ħlewwa tbusu l-fewġa t’April. Madwari l-ħsejjes tal-ħidma kienu siktu u l-lejl kien firex l-istar tiegħu bla lewn fuq l-art u l-baħar. Ħelwa kienet is-siegħa! Fuq ix-xtajta il-mewġ iħaxwex dik il-għanja ċkejkna li tħannen għall-mistrieħ; għannej waħdieni fis-skiet tal-lejl, ir-rużinjol iwieġeb b’leħen imbikki, u bħala ruħ li tishar l-arloġġ iwennes lil min jishar bħalu. Qawwija kienet ħarsti lejn is-sema, u ħsiebi ttawwal, bħalma tagħmel xitla, biex jixrob l-ewwel dawl li sata’ jinżel minn dak l-iżraq bla qiegħ, minn dak il-wisa’ bla truf; u jiena tlabt: “Mulej, urini it-triq tal-hena; ixgħel ġewwa ħsiebi id-dawl tal-fehma u minn fuq qalbi neħħi l-għoqla ħarxa tad-dmugħ.” Ebda tweġiba. Hemm kien is-sema bid-djamanti żoroq tal-kwiekeb jiddu ġewwa ħbub għajnejja; hemm il-baħar mifrux fid-dalma siekta iħaxwex l-għanja ta’ tfulitu; moħbi ġo siġar moħbijin – ruħ imbikkija, – hemm kien ir-rużinjol itenni l-għanja li għallmitu l-imħabba; – poeżija ħelwa li traqqad ix-xejriet tal-ġisem, – iżda sebħ ma tefgħetx fuq ħsiebi mdallam, anqas ġo qalbi ma tefgħet is-sliem. Ħsiebi ħrax f’dik iċ-ċaħda. Bħal min jitlef tama sabiħa li kien nissel darba tnehidt: “Kemm niket ġewwa d-djar magħluqa! kemm krib ta’ morda! kemm uġigħ! kemm dwejjaq! kemm qirda ta’ ħajjiet fl-aħjar minn tagħhom, u ħadd ma jwieġeb għat-tnehid tal-bniedem! Għalfejn ix-xemx? Għalfejn il-kwiekeb żoroq? Għalfejn il-ward u l-għana tal-għasafar la ħadd minnhom ma jġib għall-ħsieb imdallam xi dawl ta’ fehma, anqas għall-qalb muġugħa taba ta’ faraġ? Għal min jitlob ħniena x’tiswa ta’ kobor u ta’ ġmiel turija?” Meta żgħużiti kienet għadha miegħi u minn ħarsti, minn kelmti u minn mixjiti kienet taqbeż is-saħħa, oh x’nida ħelwa ta’ ferħ, ta’ sliema kont ixxerred fuqi, ja tama tas-smewwiet! Il-kelma t’ommi għadha f’widnejja ddoqq: “Qatt la tirtema taħt it-toqol tal-ħajja: jekk in-niket għad jiġi wara biebek u jdellillek darek, u tħoss il-ħobż jimrar u jikber ġo ħalqek, ftakar illi fik, madwarek, u fid-dawl tas-smewwiet għandek iħobbok missier ħanin li ma jaħqarx ‘l uliedu, għax Hu jitma’ ‘l-għasafar, Hu ilibbes bis-suf lin-ngħaġ u Hu jimla bis-saħħa lill-ħut fil-baħar; qatt, ibni, la tinsa il-kelma t’ommok; ommok tgħid is-sewwa.” U jien emmint u, għax emmint, ftaħt qalbi għal tama kbira, u l-ward ħeġġeġ madwari, Ferħa bla temma! Issa li saħħti mielet, naqset il-kelma t’ommi; u int, ja tama, m’għadekx fuq ruħi troxx il-barka tiegħek, għax jien fil-hemm li xxeblek ma’ din ħajti tlabt lill-missier ħanin li qaltli ommi u baqgħet bla tweġiba s-sejħa tiegħi. U bħal ħsieb iswed għadda minn ġo ħsiebi: “Il-bidu mnejn? It-temma fejn? X’ifissru it-tajjeb u l-ħażin fl-insiġ ta’ ħajja maħruba f’qasir żmien? M’hix ħolma ewwilla dik it-tjieba ħanina li għallmitni ommi fl-iskola ta’ ħoġorha, meta tfajjel daħkani ma kontx naf ħaġa oħra ħlief inħares f’għajnejha u fit-tbissima ta’ fommha u kienu dawk il-ġenna waħda ta’ ħsiebi u qalbi? Fis-sahriet lejlija, meta tiskot il-ħajja u l-kwiekeb żoroq jittawlu mis-smewwiet fuq dinja mħeddla; fid-dija ta’ bin-nhar, meta x-xemx tisreġ fuq il-jasar ta’ nies li taħdem, tħabrek, tagħnet u tagħraq, biex ma’ wliedha tiekol il-loqma samra aktarx bid-dmugħ imxarrba, min qatt issamma’ fil-ħolqien u sata’ jisma’ leħenha? Min qatt ra dawl wiċċha?” Iżda lil ommi ma ħqarthiex fi ħsiebi, għax ommi kinet safja u deh’nha qawwi, u jien ħabbejtha kif iħobb poeta. Siekta issa qiegħda fit-tgħanniqa kiesħa tal-mewt fil-qabar ċkejken; biss xbihitha għadha ħajja quddiemi w itkellimni; iżd’ ahi! meta xewqan immidd dirgħajja biex ingħannaqha, ma nsib xejn fi ħdani. J’ommi, tjieba tassew! tjieba ħanina! għaliex ma bqajtx hawnhekk biex issabbarni? għaliex minn ħajti ġiet il-mewt ħatfitek? … Il-mewt! … Għalfejn il-mewt? Uġigħ u niket, ħsarat u dmugħ u tifkiriet bla faraġ għalfejn dħaltu fid-dinja? X’tiswa l-ħajja la min-nebbieta fil-egħruq moħbija trabbi s-susa tal-mewt? Mhux bin il-għaqal tibni biex tħott, tpinġi s-sabiħ u tħassru. Nofs il-ħarifa. Ahi, kif tislitli qalbi il-karba twila li bla heda tidwi fil-għalqa tal-mejtin! Kemm dmugħ imrażżan fil-ktejbiet minquxin fuq l-oqbra kiesħa! Kemm ward ta’ ħajja mħarbat qabel żmienu! Tara tfajjel jiġġerra liebes l-iswed qalb l-oqbra jfittex dik il-qalb li darba kienet taqbeż bil-ferħ u taqsam miegħu l-hena tas-saħħa; b’leħen kiebi jsejjaħ: “Missier! Missier!” u jieqaf bħal jistenna it-tweġiba ta’ dari. Ahi! ħadd ma jwieġeb għajr il-fewġa lubiena li titniehed ġos-siġar taċ-ċipress u qalb is-slaleb. Bir-reżħa ġewwa qalbi, id-dlam ġo ħsiebi, għalxejn naqbad it-triq bejn raba’ u xagħri; kollox sieket mal-plajja; ix-xemx imkeffna ġo sħab imdardar tibki dmugħ ta’ dwejjaq fuq il-għera tal-art; ebda ħaxixa niedja ma tħaddar; ebda ħoss ferrieħi ta’ ilma ħaj; il-mewt qiegħda fuq kollox. Nistaqsi: “X’inhi l-mewt?” Minn ġo ħarruba tasal il-għanja ta’ bufula. Mgħaġġeb indawwar ħarsti u nara lill-għasfura ċkejkna tittajjar minn għasluġ għal ieħor fuq ruħha, lventa, u fuq kull fergħa tgħanni. “Fil-għera tal-ħarifa, taħt is-sema iswed bi sħab li jibki, din il-għanja ta’ ferħ xi trid? Meta ġo qalbi jagħli id-dmugħ u jaqbeż minn għajnejja u l-ebda ħniena ma twieġeb għat-tnehida tiegħi, x’inhu li jgħaxxaq u bil-ferħ ixabba’ lil din il-ħlejqa li ma tafx dinja oħra ħlief lill-ħarruba u xiber art ma’ dwarha?” Għaddiet fewġa qawwija; minn balluta tfarfret u niżlet mingħajr ħoss titbandal għamra ta’ weraq isfar. L-art ħanina laqgħethom bħallikieku biex tidfinhom mal-mijiet u l-eluf li mietu qabel. Iżda fuq dak il-friex ta’ weraq mejjet ħadra u sabiħa baqgħet tħaxwex l-għanja tal-ħajja s-siġra, sħiħa fuq ġenbejha, dirgħajha miftuħin u fl-ajru safi tmewweġ il-kotra ta’ xuxitha. Rqiqa bħal ħajta tal-ħarir u bħalha ratba u mżewqa reġgħet ġiet iddoqq f’widnejja mill-kenn ħadrani tal-balluta kbira l-għanja ferrieħa tal-bufula. Mgħaxxaq u f’ħin wieħed miblugħ, għajjatt: “Ewwilla aħjar mill-bniedem li bi ħsiebu jirkeb fuq il-kwiekeb u x-xmux u b’qalbu jħaddan id-dawra tal-ħolqien hi l-werqa ċkejkna li titwieled f’April u tmut f’Ottubru? Egħref mill-bniedem dan l-għasfur li jgħanni fuq il-ħerba tal-mewt bla biża’ tagħha?” Leħen moħbi ċanfarni: “Kbira bosta u mkabbra l-mistoqsija. Taħseb inti li tista’ tgħarrex fil-ħolqien u tifhem in-nisġa tiegħu? Meta qatt il-baħar sata’ jinġabar f’qoxra ta’ ġellewża, jew ġo ħafna ta’ id tidħol id-dinja? Inti tal-bieraħ. Meta id l-Imgħallem ħażżet fil-wisa’ t-triq lix-xmux u ‘l-kwiekeb u xeħtithom bl-eluf jiġru, bejniethom imwieżna u marbutin b’rabta ta’ mħabba, min kien xhud ta’ egħmilu? Iżernaq għada u int ma tkunx: eluf ta’ ħajjin oħra miegħek jintemmu, iżda l-għejun tal-ħajja ma jinxfu qatt, u tibqa’ sejra n-nisġa ta’ ħajja u mewt, ta’ ferħ, ta’ lfiq u niket; għax min b’għaqal bla tarf ħaseb u sawwar iż-żewqa kbira tal-ħolqien ra f’ħarsa il-bidu, in-nofs u t-tmiem, u mħabbtu firex bħala ġwienaħ wesgħin fuq kbir u ċkejken. Tibża’ u titnikket meta tara s-sema mgħajjeb bi sħab sewdieni u xejn ma taħseb illi ‘l fuq minnu x-xemx tiddi f’miljitha. L-imħabba twaġġa’; bint il-weġgħa l-hena u bint il-mewt il-ħajja; tibqa’ wħedha ‘kk ma tmutx il-qamħa, u mill-uġigħ tal-ħlas tagħraf il-hena l-omm ta’ ħajja ġdida. Għidli, ma tħossx ġo qalbek u ġo ruħek xewqa li tisboq kulma jroddu l-ħlejjaq, xewqa ta’ hena ta’ bla tarf li jibqa’ wieqaf bla żmien u ħaj bla temma? Qiegħda dik ix-xewqa ġo fik bħalma fil-qamħa qiegħda moħbija s-setgħa tan-nebbieta; iżda l-fjur tagħha – fjur ta’ ġid għal dejjem – fil-ġonna tas-smewwiet ma jiftaħx f’lewnu jekk qabel, fuq din l-art, ma tmutx imkasbra iż-żerriegħa tal-ġisem; u mhux għaqli tibki lill-qamħa u ma tifraħx bis-sbula.” Ilbitt. Ġo fija bdiet taħdita ħierqa bejn ħsiebi u qalbi; l-wieħed bħal fuqani iqum fuq qaddu u jiġbor l-għodda kollha biex iħares il-jedd li ġieh mis-sura ta’ min jifhem u jrid. Iħoss il-qawwa barranija li taħkmu, tagħfsu, tirkbu, iżd’ hu qalil, jitkagħwex f’dik il-ħakma iżjed minnu qalila u jixtieq jolqot bil-għodda tar-raġuni ‘d-driegħ mistoħbi li b’ħafna tal-azzar iżommu taħtu. “Mela ma tiswa xejn,” jokrob, “il-fehma li titħaddet ġo ruħi; dawl bla dija bħal ta’ musbieħ-il-lejl; jidher fid-dlam bla ma jsebbaħ madwaru u dlonk jintefa malli jixgħel dawl ieħor. Daħk u frugħa kulma jistenna l-bniedem. Mela ħabbat, ja qalb, ħabbat u egħja! Kull taħbita tgerrem dqiqa minn ħajtek; meta l-ħeġġa tan-nervi li jħaddmuk, tad-demm li jsaħħnek tintemm u inti tiskot, forsi nkunu nafu x’hemm moħbi.” Tniehdet l-oħra u kliemha ħareġ niedi bid-dmugħ: “Id-dwejjaq tiegħi inħosshom jikbru meta inti mdagħdagħ tmewweġ bħal baħar u fuq xtuti jiġru bħal żwiemel maħrubin il-ħalel tiegħek. Jista’ qatt il-miżien jiddaqqas f’siktu jekk keffa tkun mimlija u l-oħra fiergħa? Nitgħaxxaq bik meta, sultan qalbieni, titfa’ ħarstek dehnija fuq il-ħwejjeġ tal-art u tas-smewwiet, u b’għaqal sieber tiżen l-imgħoddi u mill-imgħoddi tobsor il-ġdid li jista’ jsir, u waħda waħda tjassar għalik il-liġijiet tal-għaġeb li tostor in-natura: iżda jekk tinsa is-sabiħ kollu tal-ħolqien, għax sħaba tgħajjiblek naħa minnu, u tarmi ħajtek għax jiddellel xi jum, jiena ninfileġ u fuqi nħoss għaddej bħal nifs marradi. Int mexxini bid-dawl tal-għaqal, jiena nirfdek bil-qawwa tal-imħabba, u nirbħu …” Bħal id ta’ omm għaddiet ratba fuq rasi u smajt kliem sieber ta’ twissija ħelwa: “Kulħadd imsallab, għaliex Kristu msallab; Hu il-mudell; u min fit-tjieba tiegħu sawwar il-għaġeb tal-ħolqien u ħadem f’ġisem il-bniedem dik in-nisġa mżewqa ta’ għadam, dgħif, għeruq u demm u nervi li jwieġbu ħelu għall-amar tar-rieda, ħeba ġo dak it-trab żerriegħa ċkejkna nebbieta tas-salib; u ma’ kull ħajja ta’ bniedem tikber dik is-siġra mħattba u twarrad għali, niket, dmugħ u dwejjaq bla tarf, sakemm fuq dik il-għuda ħarxa tintemm il-ħajja li nisslitha. Iżda mhux għalhekk għandu l-bniedem jitlef għaqlu u jħares ikreh lejn is-sema. Siġra imsoqqija mill-għajn ta’ ħniena kbira is-siġra tas-salib, u mill-ward tagħha jitnissel l-hena kbir ta’ ħajja ħielsa. Għarib il-bniedem fuq din l-art imtarrfa; daru band’oħra, fejn la tgerrem susa anqas kamla ma tiekol; fejn il-għala u l-kif ta’ kulma hu u kulma jiġri jidher bla star fid-dawl li hu minn dejjem. Iżjed la tistaqsix. Jekk trid ġo ħsiebek is-sliema u l-hena ġewwa qalbek, emmen!” Kif tagħmel qalb l-għoljiet ragħda qawwija li tarġa’ lura minn kull ġenb irdumi u tidwi ġo widnejk, hekk reġgħet lura minn kull tarf tal-ħolqien dik it-twissija u tenniet ġewwa moħħi: “Emmen! Emmen!” “Emmen!” qalu s-smewwiet fil-kobor tagħhom u firxu quddiem ħarsti, f’lejl ta’ safa, bħal xmara twila tal-ħalib, bħal sħaba ta’ trab tal-fidda u magħha u ġewwa fiha tleblib ta’ kwiekeb, dawl ta’ xmux u ġiri ta’ kometi maħruba u ħarsa kwieta ta’ pjaneti u ta’ qmura. “Emmen! Emmen!” tenniet l-art, u bħal omm li tieħu ‘l binha ġo ħoġorha u bis-sabar tal-imħabba tgħallmu ta’ ktieb miftuħ il-ħżuż mitbugħa u mill-ħżuż il-fehmiet ta’ min kitibhom, firxet quddiemi l-ġmiel li bħal sultana ilibbisha u jagħniha. “Emmen! Emmen!” għajjat b’leħen ta’ ragħda l-baħar wiesa’ u gerbeb fuq ix-xtut il-ħalel bojod bir-ragħwa tad-dagħdigħa; “Emmen! Emmen!” tennieli, u rajtu, f’nofsinhar, imħeġġeġ jidħaq id-daħka safja tal-imħabba; rajtu, mera bla nikta u mingħajr mewġa, fi nżul ix-xemx, itenni sema jsaħħar fejn ward u deh’b, rubini u lapislazzuli kienu jinsġu bħal star li qatt sultana fil-ħajr tal-kobor u fil-għatx taż-żina ma setgħet toħlom; u fl-għerien ta’ qalbi il-kelma tas-smewwiet, tal-art, tal-baħar baqgħet tidwi bħal arpa wara l-aħħar messa tal-kordi minn idejn l-imgħallem. Kif wieħed li fil-mixi jasal f’naħa li t-triq tinferaq f’żewġ fergħat u l-ebda wiri ma jgħidlu liema t-tajba, jieqaf u b’għajnejh u b’widnejh xewqan jistaqsi jekk ewwilla fil-bogħ’d tidherx xi xbieha ta’ dar il-hena u jekk idoqqx xi leħen ħabib li jgħidlu: “Din it-trejqa tiegħek,” hekk jiena wqaft ħosbien fuq dik ix-xewka fejn tinferaq fi tnejn it-triq tal-ħajja, it-triq tal-jien u t-triq ta’ lilhinn minnu. U jiena wkoll għarrixt biex nara liema waħda minn dawk it-tnejn setgħet twassalni fid-dar tad-dawl li fehmti kienet tfittex, fid-dar tal-hena, il-bejta minn ta’ qalbi. Rajtu madwari l-ġmiel tar-raba’ jħaddar bis-siġar u l-ħaxix; smajt l-ilma jgelgel it-tislima tas-saħħa u moħbi jgħanni l-għasfur ferrieħi l-għanja tar-rebbiegħa; ‘mma ftit lil hinn iċ-ċpar kiber u ħarsti iddennset u fil-bogħ’d għemiet għal kollox. Ħassejtni ċkejken f’dak is-skiel ta’ ħsiebi quddiem kobor bla xtut imkebbeb f’satra ta’ lejl bla kwiekeb! Xtaqt li kieku nlebbet lilhinn mid-dawl iż-żiemel tad-deh’n tiegħi u ninfed dak l-istar, nara x’hemm moħbi f’dik is-saltna li ħadd ma raġa’ minnha; iżda ħitan tal-bronż li ebda saħħa ma’ tista’ ġġarraf, bi theddida ħarxa, kienu hemm jgħollu rashom lejn is-sema u jħaddnu x-xiber dawl li haw’ madwarna. Ħassejtni ċkejken, (għad li l-jien ġo ħsiebi kien għadu jbaqbaq u jgħid kliem imqareb), ħassejtni ċkejken bħalma jħossu tfajjel mitluf minn ommu, u demgħa ċkejkna niżlet siekta tiżżerżaq ma’ ħaddejja. Ħsiebi inġabar fih innifsu u bħalma jgħaddi misjuq mill-majistral is-sħab imqatta’ li jdellel l-art u jgħajjeb il-ġmiel tagħha, hekk minn fuq ruħi bdiet għaddejja ħiemda damma ta’ tifkiriet li kienu ħajti, u tefgħu dell mifluġ fuq l-art ta’ qalbi. U qalbi tniehdet: “Oh sahriet xitwija, li għaddejt waħdi ġo kamarti naħseb u nikteb dak li ħsibt, – nikteb u nħassar u narġa’ nikteb biex fil-kelma tidher safja s-sura ta’ ħsiebi, – mela ħolma, ħolma qarrieqa kienet dik il-wegħda ta’ hena u ġid li għamiltuli darba; kollox jintemm qasir; kollox ħuġġieġa ta’ ward li jiftaħ maż-żerniq filgħodu, ilellex f’nofsinhar u jbaxxi rasu biex imut filgħaxija! Oh frugħa fiergħa ta’ ġid, ta’ għerf, ta’ kobor, u ta’ … mħabba …” Waqaft. Sabiħa fil-ġmiel kollu tagħha dehret quddiemi x-xbieha t’ommi. Ħelwa kienet id-daħka fuq xofftejha: ħelwa id-dija rżina ta’ ħarsitha; ħelu dak wiċċha qamħi taħt il-kotra bajda ta’ dlielha bellusin: u jien ħabbejtha lil din ix-xwejħa fl-hena ta’ tfuliti, fil-milja tar-rġulija u għadni nħobbha bil-qawwa kollha li tagħtini qalbi, għalkemm siekta fid-dlam ta’ qabar ċkejken. Le, l-imħabba ma tmutx! L-imħabba tisboq kull żmien, u tofroq dik is-satra sewda li taħkem ‘il-ftit dawl li haw’ madwarna; għax, jekk min sawwar din il-qalb, u fiha kebbes xewqat akbar miż-żmien u l-wisa’, jiċħdilha t-temma, jiċħad lilu nnifsu, u m’hux ħabib tas-sewwa. Għidli, j’ommi, tmut l-imħabba bil-mewt? jew bħalma jagħmel farfett li jħalli l-fosdqa fl-art u joħroġ jittajjar ħieles taħt ix-xemx ta’ Mejju, tħalli l-imħabba t-trab fejn kienet tgħammar u fis-sħana ta’ xemx li qatt ma tikfes tibqa’ dejjem tithenna? Għidli, j’ommi, li għadek tħobbni kif ħabbejtni dejjem, li għad iżernaq jum ta’ ferħ, ta’ dija, u qalbi u qalbek imsoffija bl-ilma ta’ ħniena kbira, isiru fjamma waħda fin-nar ta’ mħabba ta’ bla tarf sabiħa! Ġiet fewġa friska tilgħab fuq ħaddejja li xerrditli ma’ ġismi bħal tferfira safja ta’ hena. Oh! kemm irwejjaħ ħelwa kienet ġabret mill-ġonna dik il-fewġa! Fil-waqt, mal-plajja, fuq il-ħaxix aħdar ħuġġieġa ward, fid-daqs, fil-lewn imżewwaq, kollu sidru miftuħ u qalbu tlellex bi trab tad-deh’b, kien donnu qed jistieden lil min ibusu; u bħal miġbud mill-ħlewwa tal-istedina rajt lin-naħal bieżel jgħaddas rasu xewqan f’sider il-fjuri u jiġbor l-għasel u minn fjur għal ieħor iġorr it-trab tad-deh’b. Fuq ħajt ta’ dwejra, ftit ‘il bogħ’d minni, żewġ ħamiem tal-barr, bħalkieku mxaħxaħ f’dik id-dija fietla tax-xemx ħanina, kien jitbewwes f’ħolma ta’ xi bejta fil-blat fejn ebda regħba ma tasal kiefra, anqas ta’ riħ jew xita ma tiżżarġan il-qilla; u fuq ix-xtajta tal-baħar ikħal daqs in-nir kont tisma’ tħaxwex mewġa lubiena, bħal żegħila li dan il-qawwi jaf fil-jum tas-sliema jagħmel lill-omm li qatt ma tegħja trabbi. Xi waqt ir-rieda donnha tkun lubiena u taħkem aktar minnha l-fantasija. Hekk ġrali jien; misruq mid-dehra kbira tal-imħabba li tħaddan lin-natura, mingħajr ma kont naf sewwa x’qiegħed nagħmel, arfajt għajnejja ‘l fuq, idejja ltaqgħu swaba’ ma’ swaba’ u bħalma jagħmel tfajjel meta tmissu l-id t’ommu, nżilt qajl qajla għarkobbtejja fuq l-art ħadra bin-nifel. Siket il-jien ġo fija bħalma jiskot xi drabi l-majistral wara li jheżheż lis-siġar minn għeruqhom u bi sħaba ta’ trab imtajjar mit-triqat igħajjeb l-ikħal safi tal-ajru; u kif mal-waqgħa tar-riħ fuqani tarġa’ tagħmel dlielha il-balluta godlija u jarġa’ jtalla’ rasu ċ-ċkejkna l-ħaxix li kien infirex, hekk, kif siket il-jien, fuq moħħi u qalbi ġiet il-fewġa tas-sliem, u firxu dlielhom il-fehmiet tajba u ġewwa sidri tħarrku ferrieħa t-tqanqiliet ta’ safa u benna. Qomt mill-art bħal mibdul fi bniedem ieħor; ħassejt ġo sidri t-tjieba tat-tfulija u bħal tifel għajjatt: “Aħfirli, j’ommi! Aħfirli, j’omm! Int biss kont għidtli s-sewwa. Kelli d-dalma fuq ħsiebi u l-mewt ġo qalbi għax ridtu minni d-dawl u minni l-hena. Kont għidtli kelma: ‘L-Jien għadu tas-sema, u s-sema ma jwiġbux,’ u jiena nsejtha; ridt li l-kbir jaqdi ’ż-żgħir, u fil-jien tiegħi ġbart il-jedd tal-ħolqien u d-disinn t’Alla. Issa qed nara: nifhem kif il-werqa għandha tidbiel, tisfar u fl-aħħar taqa’ biex tibqa’ ħajja s-siġra u tibqa’ ħadra. Jien bkejt lill-werqa u xejn ma ħsibt fis-siġra. Issa qed nifhem it-twissija tiegħek: ‘Iżjed la tistaqsix; jekk trid ġo ħsiebek is-sliema u l-hena ġewwa qalbek, emmen.’” Nemmen. Kelma qalila imma sabiħa; ċaħda tal-jien u l-akbar wetqa tiegħu. Għaliex jekk kulma nafu ‘l barra minna emminnieh lilna nfusna u lil ħaddieħor u f’dik l-emmna wettaqna l-fehma tagħna, l-akbar wetqa tal-jien Int biss, Mulejja; għax fiergħa l-kelma tal-bnedmin u tbiddel, u l-għerf li lbieraħ kien imexxi d-dinja kellu llum jarġa’ lura fuq mixjitu; imm’ Inti ma tbiddilx, u l-kelma tiegħek għadha tinsama’ llum sħiħa u widdieba bħalma nsemgħet fil-bidu, u tibqa’ tidwi fuq il-ħerba taż-żmien, sakemm fis-sema tibqa’ sultana x-xemx u taħtha tibqa’ tħabbat xi qalb. Oh! jiena qed nismagħha, Mulejja, il-kelma tiegħek, qed nismagħha titħaddet ġewwa qalbi u ġewwa ħsiebi b’dik il-ħlewwa li tiġbed, b’dik il-qawwa li tirbaħ bla ma tgħakkes, b’dik it-tjieba li taf qalb ta’ missier għal ibnu ċ-ċkejken. Issa jien ma jien xejn, għax għaraft lilek, Mulej, li Inti kollox. Kif il-baħar iħaddan l-art, hekk Inti tħaddan lili, u jien mitluf ġo fik: Int biss il-bidu. Int biss it-temma, id-dawl, il-ġid, il-hena ta’ kulma jien: fik biss il-kif u l-għala ta’ kulma sar, ta’ kulma jsir ġo fija, ta’ li jiġri madwari; u kif fuq mera id-dawl jaħdem ix-xebh ta’ min iħares u x-xebh ikun id-dawl, hekk jien, Mulejja, fik nara x-xbieha tiegħi bħal fi ħġieġa safja bla nikta, u dik ix-xbiha ħajja mhix ħlief id-dawl li wiċċek jixħet fuqi. Fieragħ mingħajrek u għaddieni l-bniedem; imm’ Int sawwartu hekk, sabiex tkun tista’ timlieh u twettqu bik innifsek, terfgħu mid-dlam tal-mewt għad-dawl ta’ ħajja kbira; għax kif jaħdem skultur mudell fit-tafal, u ħsiebu jkun fil-bronż li jiġi wara, hekk Int ħdimt l-ewwel bniedem – trab mewwieti – waqt li ħarstek fil-bgħid kienet titgħaxxaq bi bniedem ieħor, l-isbaħ xogħ’l ta’ driegħek, kbir daqsek fi ċkunitu. U Inti rajtu lil dan il-bniedem, bħal misħut imsallab, fuq demm il-ħtija jxerred demm il-maħfra, biex jekk, nisel id-dnub, daħlu fid-dinja il-mewt u n-niket, fuq il-mewt u n-niket jidħlu, nisel il-ħajr, il-ħajja u l-hena. Issa mexxini Int, ja dawl tas-sema, biex ma narġax fil-għama ta’ kburiti; rażżan ġo fija l-jien, l-għadu tas-sewwa, biex miegħi tgħammar Int; imxejt biżżejjed fid-dlam, intektek bil-għasluġ ta’ ħsiebi, fuq triq imwiegħra, fejn il-mewt tittawwal minn kull xifer ta’ rdum; xerridt biżżejjed dmugħ mingħajr faraġ, waqt li t-talba tiegħi kienet tidwi bla tama ġewwa qalbi, għax ġwienaħ ma kellhiex biex tifred l-għoli. Issa mexxini Int, għax fik biss nagħraf il-għajb tal-jien u l-ġmiel ta’ lilhinn minnu. SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More