Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iffaċilita intervista mal-kittieb u artist Ryan Falzon, wara li fiċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2024 ingħata l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti. Dan l-artiklu nkiteb minn Emma Borg mis-Sunday Times of Malta, u jittratta t-tħassib u l-ambizzjonijiet ta’ Falzon bħala kittieb ġdid, huwa u jfittex li jleħħen lill-ġenerazzjoni ta’ żmienu fil-forom artistiċi differenti tiegħu.

Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti huwa wieħed minn żewġ premji speċjali li jingħataw waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb – l-ieħor huwa l-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, li dis-sena mar għand l-istoriku, kritiku tal-arti u avukat tad-drittijiet tal-bniedem Giovanni Bonello. Dawn il-premji speċjali jlaqqgħu iż-żewġ trufijiet tal-vjaġġ tal-letteratura f’Malta, billi tal-ewwel jippremja lil dik il-vuċi ġdida u promettenti li qed tħabrek sabiex tagħti direzzjonijiet ġodda lil-letteratura f’Malta, u tat-tieni jweġġaħ lil dik jew dak l-awtur li ħalla impatt fuq ix-xena lokali wara ħajja ta’ kitba.

Falzon intgħażel għal dal-premju b’maġġoranza mill-KNK u l-membri tal-bord tiegħu. Falzon ħalla l-marka tiegħu fil-qasam letterarju bil-pubblikazzjoni tal-ewwel rumanz tiegħu Sajf (Kotba Calleja) fl-2022, li għamilha mal-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023 u tfaħħar għal kif artikula b’mod astut l-ispirtu u l-buri ta’ ġenerazzjoni sħiħa ta’ millenarji Maltin. Minkejja dan, Falzon huwa diġà figura stabbilita fil-qasam artistiku f’dawn l-aħħar snin, u esebixxa l-arti viżiva tiegħu kemm Malta kif ukoll f’Berlin.

Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mhuwiex biss premju li jingħata lil awturi li juru talent partikulari; il-premju jqis ukoll l-iżvilupp tas-sengħa letterarja u artistika ta’ dik jew dak li jmur għandu l-premju, b’mod partikulari lejn it-tħabrik personali tal-kittieb sabiex itejjeb senegħtu billi, fost oħrajn, jipparteċipa f’workshops, masterclasses jew korsijiet, inkella bil-preżenza sinjifikanti tiegħu fil-komunità tal-kittieba b’firxa ta’ xogħlijiet esperimentattivi.

Tista’ taċċessa l-intervista sħiħa fuq is-Sunday Times of Malta hawnhekk.


Share Article