Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qiegħed ifittex ideat għal xeħta ġdida tal-logo ewlieni tiegħu, kif ukoll għal oħrajn sekondarji li jintużaw għal proġetti u inizjattivi varji tiegħu.Nemmnu li din l-identità l-ġdida se tkun qed tirrifletti l-evoluzzjoni tal-identità u l-missjoni tagħna, anki bħala l-punt ta’ tluq lejn tiġdid sostanzjali tas-sit kif ukoll it-tnedija tal-Istrateġija tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb 2025-2028 fi ktiba f’Diċembru tal-2024.

Hawn taħt issib it-Talba għall-Proposta:

DAĦLA

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jistieden individwi jew aġenziji interessati li jissottomettu proposta għad-disinn u l-iżvilupp ta’ identità u brand korporattiva. Din l-inizjattiva hija parti mit-tħabrik sabiex inġeddu l-immaġni tal-brand tagħna u noħolqu rappreżentazzjoni moderna u li tolqot tal-identità tal-KNK.

SFOND

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa msieħeb ewlieni f’Malta li jippromwovi l-letteratura u l-qari. Jieħu ħsieb l-industrija lokali tal-kotba, billi jipprovdi servizzi differenti għall-awturi u l-pubblikaturi: jorganizza l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Fond Malti tal-Ktieb u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, jamministra l-Jeddijiet tas-Self Pubbliku, jorganizza konkorsi letterarji differenti, u huwa wkoll l-aġent lokali tal-ISBN u l-ISMN.

Bħala entità, il-KNK jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u dejjem tqies bħala parti integrali mill-infrastruttura edukattiva pubblika. L-għan tagħna hu li nrawmu mħabba għall-kotba u l-qari billi nassiguraw li l-letteratura jkollha rwol ċentrali fil-ħajja kulturali tan-nazzjon.

ktieb.org.mt

X’QED INFITTXU

Peress li l-KNK inbidel u evolva tul is-snin, neħtieġu wiċċ ġdid bi storja li tirrifletti l-identità kurrenti u l-avvanzi li saru fil-missjoni tagħna. Qed infittxu dehra friska u moderna li tweġġaħ l-irwol tagħna bħala entità xprunata mill-komunità. Il-brand aġġornata għandha turi li aħna kommessi li nwieżnu lill-imsieħba tagħna u lill-industrija tal-pubblikazzjoni, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

PREREKWIŻITI

Qed infittxu kumpanija jew individwi b’għarfien sinjifikanti u esperjenza fl-iżvilupp u t-tnedija tal-brands, partikularment fis-settur kulturali. Kull esperjenza fl-aċċessibbiltà u l-ħidma ma’ organizzazzjonijet li għandhom x’jaqsmu mal-letteratura hija vantaġġjuża.

L-ISKOP TAX-XOGĦOL

Il-kumpanija jew individwu magħżula jkunu mistennija jaħdmu fuq:

  • Żvilupp tal-Brand: li jinkludi l-ippużizzjonar tal-brand, in-narrattiva, il-messaġġi ewlenin, slowgan/tagline, il-logo, il-fontijiet tal-brand, l-ippużizzjonar fis-suq, il-personalità u elementi kreattivi oħra.
  • L-Identità tal-Brand: id-definizzjoni tad-damma tal-kuluri u l-linji gwida dwar kif tidher u tinħass il-brand, kif ukoll għażla jew suġġerimenti dwar l-immaġni.
  • Ir-Relazzjonijiet tal-Brand: ir-rakkomandazzjoni ta’ strateġiji sabiex il-brand tħaddan fiha brands oħrajn iżgħar.
  • L-Iżvilupp tal-Assi: il-ħolqien ta’ linji gwida tal-brand, preżentazzjonijiet, e-signatures, u assi oħra kif mitlub.
  • Is-sit: rakkomandazzjonijiet dwar l-istrateġija għas-sit fi qbil mal-brand il-ġdida.
  • Mezzi Soċjali: ideat dwar kif ikunu applikati bl-aħjar mod il-linji gwida tal-brand għall-preżenza tal-KNK fuq il-mezzi soċjali.

L-ISKEDI U L-PUNTI TA’ WASLA EWLENIN

  • Is-sottomissjoni tal-proposti sat-22 ta’ Jannar 2024.
  • L-intervisti u l-għażla tal-aġenzija/individwu lejn l-aħħar ta’ Jannar 2024.
  • Il-fażijiet tal-iżvilupp tal-brand jitlestew sa Marzu 2024 (il-logo ewlieni) u Mejju 2024 (il-logos sekondarji).
  • It-tnedija tal-brand f’Diċembru 2024.

IL-BINJA TAL-PROPOSTA

Dawk interessati jridu jissottomettu:

  • Daħla dwar il-kumpanija
  • Is-CV tal-impjegati inkwistjoni
  • Il-Budget
  • L-iskedi taż-żmien
  • Xi kampjuni ta’ xogħol imgħoddi (il-portafoll) u referenzi minn klijenti
  • Il-proposta: deskrizzjoni ta’ kif se tersaq lejn dal-proġett u kif beħsiebek tagħti l-ħajja lill-kunċett
  • Skeda taż-żmien iddettaljata għat-tlestija tax-xogħol skont iż-żmien allokat
  • Kull tip ta’ informazzjoni oħra li tixħet dawl fuq il-kapaċita għat-teħid ta’ dax-xogħol

ĦLAS

  • Il-ħlas huwa ta’ €4,500 mingħajr VAT, u jinkludi kollox imsemmi hawn fuq. Dan ifisser l-Iżvilupp tal-Brand, l-Identità tal-Brand, ir-Relazzjonijiet tal-Brand, l-Iżvilupp tal-Assi, l-Applikazzjoni tal-Brand għas-Sit u l-Mezzi Soċjali, trid tinkludi kampjuni tax-xogħol
  • It-termini tal-ħlas huma negozjabbli

IKKUNTATTJANA

Jekk jogħġbok ibgħat il-proposta tiegħek lil teodor.reljic@gov.mt, u kkopja lil simona.cassano@ktieb.org.mt sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Jannar 2024.

Ħerqanin nirċievu l-proposti kreattivi tagħkom u biex naħdmu ħalli ntejbu l-identità tal-brand tal-KNK.


Share Article