Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) qed iniedi sejħa għal sottomissjonijiet għall-esebizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023, “From Illustration to Book”. Il-Festival u l-esebizzjoni se jittellgħu bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru 2023.

Din se tkun it-tieni edizzjoni ta’ esebizzjoni dedikata għad-disinji u l-illustrazzjonijiet tal-kotba, u hija parti integrali mill-attivitajiet marbuta mal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

L-objettiv tal-esebizzjoni huwa li li sservi bħala vetrina għax-xogħlijiet tal-illustraturi u d-disinjaturi ewlenin tal-kotba f’Malta; waqt li wkoll jitfakkru l-pijunieri f’dan il-qasam, u tesebixxi s-sottomissjonijiet rebbieħa tas-sezzjoni tal-pubblikazzjoni tal-Malta Community of Illustrators, ir-rivista Malta Illustration Annual.

Din l-inizjattiva hija wkoll parti mill-kollaborazzjoni strateġika bejn il-KNK u l-KMA li għandha l-għan li tippromwovi l-innovazzjoni fi ħdan l-industrija tal-pubblikazzjoni lokali biex tinkludi l-aspetti kollha tal-professjonijiet kreattivi.

X’Qegħdin Infittxu

Qegħdin nistednuk biex tressaq illustrazzjonijiet u/jew disinji biex jiġu kkunsidrati għall-esebizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 “From Illustration to Book”. Dawn li ġejjin kollha se jiġu aċċettati:

– il-qoxra finali tal-ktieb b’tipografija u illustrazzjoni, jew l-illustrazzjoni li hija parti mill-qoxra tal-ktieb imma ppreżentata bħala illustrazzjoni indipendenti;

– illustrazzjoni mill-paġni ta’ ġewwa tal-ktieb bħala parti mit-tqassim interjuri tal-ktieb, jew l-illustrazzjoni nnifisha li hija parti mit-tqassim interjuri tal-ktieb imma ppreżentata indipendentament;

– disinn grafiku ta’ qoxra ta’ ktieb ippubblikat jew tal-paġni ta’ ġewwa.

 

L-applikant jista’ jressaq dan it-tip ta’ xogħol li diġà ġie ppubblikat jew li se jiġi ppubblikat sal-ġurnata tal-ftuħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, it-18 ta’ Ottubru 2023:

  • ‘ippubblikat’ jew ‘awtoppubblikat’;
    minn ktieb mitbugħ jew e-book;
    illustrazzjoni/disinn grafiku għal ktieb b’ISBN Malti minn illustratur/disinjatur b’ċittadinanza Maltija jew lil hinn; JEW
    illustrazzjoni/disinn grafiku minn illustratur b’ċittadinanza Maltija għal ktieb b’ISBN mhux Malti.

Kif Tapplika

– Jekk jogħġbok ressaq massimu ta’ tliet (3) xogħlijiet artistiċi f’formatt ta’ reżoluzzjoni għolja permezz ta’ fajl tat-tip pdf, jpg jew eps) b’dawn is-sottotitoli:

🎨 ILLUSTRATUR

🎨 ISEM TAX-XOGĦOL ARTISTIKU

🎨 MEDIUM

📚 DETTALJI TA’ KUNTATT (Instagram jew tip ta’ midja soċjali oħra, sit)

📚 TITLU TAL-KTIEB

– Jekk jogħġbok ressaq l-applikazzjoni tiegħek permezz ta’ din il-ħolqa, u fiha inkludi ħolqa tax-xogħol artistiku tiegħek permezz ta’ Wetransfer, Dropbox, Googledrive jew mezzi simili. Inkludi wkoll is-CV, bijonota ta’ bejn 20 u 30 kelma. Għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat email lil  nikki.petroni.1@artscouncil.mt

– Jekk possibbli, ibgħat skeċċ tax-xogħol artistiku tiegħek jew kampjun tax-xogħol artistiku tiegħek meta kien għadu mhux finalizzat jew fi stadu ta’ ppiċċjar, sabiex jidher f’sezzjoni speċjali fuq il-proċess ta’ ħsieb, pitching/kummissjonar u pubblikazzjoni.

Se jintgħażlu massimu ta’ żewġ (2) illustrazzjonijiet u/jew disinji minn kull artist għall-esebizzjoni. L-illustrazzjonijiet magħżula se jkunu akkumpanjati mill-kopji tal-pubblikazzjoni korrispondenti.

Il-Proċess ta’ Għażla

Is-sottomissjonijiet se jiġu evalwati minn kumitat immexxi mill-KNK u l-KMA skont it-tliet kriterji li ġejjin:

  • L-idea u l-kuntest
  • Is-sengħa u t-teknika
  • Il-kreattività u l-innovazzjoni

 Dati Importanti

Tħabbir tas-Sejħa: L-Erbgħa, l-14 ta’ Ġunju 2023

Skadenza għas-sottomissjonijiet: It-Tnejn, is-17 ta’ Lulju 2023 f’nofsinhar

Tħabbir tar-riżultati: Il-Ġimgħa, il-25 ta’ Awwissu 2023

Għal aktar informazzjoni ibgħat email lil nikki.petroni.1@artscouncil.mt


Share Article