Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar skema ġdida ta’ promozzjoni lill-eżebituri potenzjali kollha tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020.

L-applikanti kollha tal-edizzjoni ta’ dis-sena se jkollhom iċ-ċans li japplikaw għal sussidju sħiħ tal-ispejjeż tal-istand tagħhom jekk jippreżentaw irċevuti li juru li jkunu investew fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom waqt il-Festival fil-mezzi tal-midja lokali. Is-sussidju jingħata biss jekk l-ammont minfuq fuq promozzjoni jkun daqs jew aktar mill-ispejjeż involuti fl-istand.

Minbarra li tippromwovi l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’dawn iż-żminijiet li mhumiex mill-aqwa, din l-iskema għall-promozzjoni se tkun ta’ wiżen għall-industrija lokali tal-pubblikazzjoni li hi mhedda finanzjarjament. Għalhekk l-iskema tgħin kemm lill-industrija iżda anki lill-kumpaniji lokali tal-midja billi tippromwovi l-għaqda u l-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet aħwija fil-qasam tal-pubblikazzjoni. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jemmen li l-midja lokali mhix biss għodda demokratika fundamentali, iżda wkoll element integrali tal-infrastruttura tal-industrija tal-pubblikazzjoni. Meta titnaqqas id-distanza bejn il-kumpaniji tal-midja lokali u l-pubblikaturi, u l-midja lokali tħaddan u tmexxi l-kotba lokali l-industrija tal-pubblikazzjoni kollha tibbenefika. Dan huwa aspett wieħed biss tax-xogħol fejjiedi u l-investiment bi ħsieb tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex jissapportja s-settur lokali tal-pubblikazzjoni sena wara sena.

Il-Formola tal-Applikazzjoni tal-Iskema tal-Promozzjoni għall-Eżebituri, bir-regolamenti u b’kollox, tista’ titniżżel minn hawnhekk.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar l-eliġibbiltà biex tipparteċipa jew għal aktar informazzjoni dwar l-iskema tiddejjaq xejn tikkuntattja lil Matthew Borg (matthew.borg@ktieb.org.mt) jew lil Andrew Ricca (andrew.ricca@ktieb.org.mt).

L-applikazzjoni għandha tintbagħat lil Simona Cassano fuq simona.cassano@ktieb.org.mt

KIF UKOLL bil-posta/imwassla bl-idejn f’dan l-indirizz:

IL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-KTIEB 2020 – SKEMA TAL-PROMOZZJONI

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Il-Librerija Pubblika Ċentrali
Triq Prof. Joseph J. Mangion
Il-Furjana, FRN 1800
MALTA

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bħas-soltu Dar il-Mediterran, dis-sena bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru. L-applikazzjoni hija miftuħa għall-pubblikaturi, distributuri tal-kotba, ħwienet tal-kotba u aġenziji tal-kotba. Għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u entitajiet pubbliċi li l-kamp tal-attività tagħhom jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ materjal letterarju jew il-promozzjoni tal-letteratura huma wkoll eliġibbli biex japplikaw.

Dawk kollha interessati jieħdu sehem huma mħeġġa biex japplikaw kmieni u jippreżentaw, flimkien mal-applikazzjoni tagħhom lista dettaljata ta’ attivitajiet li jixtiequ jinkludu fil-programm kulturali tal-Festival. Dawk l-applikazzjonijiet li jiddaħħlu kmieni jistgħu jingħataw preferenza fil-programm tal-attivitajiet.

Il-Formola tal-Applikazzjoni bir-regolamenti aġġornati għall-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 tista’ titniżżel minn hawnhekk. Jekk jogħġbok aqra bir-reqqa t-termini u l-kundizzjonijiet qabel ma tapplika.

L-applikazzjonijiet għandhom jimtlew sew u jinthemżu f’email kif ukoll jintbagħtu bil-posta sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu 2020 f’nofsinhar (12pm).

 

 


Share Article