Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jixtieq jinforma lill-pubbliku, il-midja, u l-partijiet ikkonċernati li bl-ebda mod ma ta xi għajnuna finanzjarja, appoġġ jew viżibbiltà lill-ktieb Mein Führer Adolf Hitler – L-Istorja u l-Bijografija ta’ Ronald Bugeja. Il-KNK ipprovda biss in-numru tal-ISBN fis-6 ta’ Mejju 2022, bħala l-aġent tal-ISBN f’Malta. Il-ħruġ tan-numru tal-ISBN mhuwiex relatat mal-kontenut ta’ pubblikazzjoni.

Il-KNK la kien mgħarraf u lanqas konxju li l-awtur semma lill-KNK fir-ringrazzjamenti speċjali tiegħu f’paġna 396. Madankollu, waqt il-proċess ta’ klassifikazzjoni u eliġibbiltà għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, individwi differenti wrew it-tħassib tagħhom jekk dan il-ktieb għandux jiġi inkluż, u għalhekk fit-28 ta’ Marzu 2023, il-KNK fittex parir legali.

Waqt li l-KNK ikkunsidra d-dritt tal-libertà tal-espressjoni kif tistabbilixxi l-kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani Fundamentali, iddeċieda li ma jinkludix l-imsemmi ktieb fil-lista t-twila tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kotba ppubblikati fl-2022. Il-KNK ħa din id-deċiżjoni minħabba l-kontenut tal-ktieb u konsegwentament l-etika marbuta miegħu, kif ukoll il-possibbiltà ta’ riperkussjonijiet legali assoċjati ma’ ktieb li jippromwovi jew japprova ġenoċidju mwettaq mir-reġim Nażista (b’referenza għal Artiklu 82B tal-Kodiċi Kriminali Malti).

Il-lista t-twila tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li saret referenza għaliha ġiet ippubblikata fl-4 ta’ April 2023 u tinsab hawn. Il-KNK jiddisassoċja ruħu min-natura tal-kontenut tal-ktieb u l-implikazzjonijiet tagħha, u jinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati u l-midja biex jikkuntattjaw lill-uffiċċju tagħna jekk jeħtieġu kjarifika fuq il-pożizzjoni tiegħu.


Share Article