Illejla fetaħ uffiċjalment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanut tal-Kotba waqt ċerimonja fl-MFCC li fiha tħabbru r-rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2021. L-avveniment ġie ppreżentat minn Daniel Chircop u Chrysander Agius (Danusan) qalb bosta awturi, illustraturi, pubblikaturi, u fil-preżenza tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Onorevoli Dr Justyne Caruana.

Fl-ewwel diskors uffiċjali tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, qal li huwa ta’ unur għalih li jippresjedi l-ftuħ mill-ġdid għall-pubbliku ta’ dan l-avveniment nazzjonali, wara li s-sena l-oħra sar kollu online. Waqt li sostna li l-Festival huwa opportunità kruċjali għall-pubblikaturi, irringrazzja lill-awtoritajiet talli dan fehmuh. Camilleri rrefera għall-premji letterarji tal-kotba tat-tfal u l-adolexxenti tul iż-żmien, u nnota li dawn damu biex ingħatatilhom l-importanza mistħoqqha. Filwaqt li rringrazzja lill-predeċessur tiegħu għax-xogħol siewi li sar sabiex il-Premju Terramaxka jistabbilixxi ruħu bħala riga importanti fl-eċċellenza tal-kotba tat-tfal u l-adolexxenti, Camilleri temm jgħid li se jkompli bix-xogħol sabiex il-letteratura għat-tfal u ż-żgħażagħ tilħaq qċaċet ġodda f’dik li hi kwalità fil-kontenut u l-produzzjoni tal-kotba.

Wara d-diskors ta’ Camilleri, Danusan ippreżentaw biċċa mill-kwizz interattiv li ħadmu fuqu, ibbażat fuq kotba rebbieħa tat-Terramaxka mill-passat, u li se jitqassam f’kull klassi rreġistrata għall-Festival bħala materjal edukattiv. Huma ħadu daċ-ċans ukoll sabiex fakkru mill-ġdid liema kienu r-rebbieħa tas-sena l-oħra. 

Iċ-ċerimonja kompliet billi tħabbru r-rebbieħa tal-edizzjoni 2021 tal-Premju Terramaxka. B’kollox ingħataw seba’ premji f’erba’ kategorji differenti, li marru għand l-awturi, l-illustraturi, u l-pubblikaturi tal-kotba rebbieħa. Il-premji ntrebħu fil-kategoriji tal-kotba oriġinali għal tfal bejn 0-7 snin u 8-12-il sena, għall-kategoriji tat-traduzzjoni għal tfal bejn 0-7 u 8-12-il sena, u għall-aħjar produzzjoni ta’ ktieb. Tajjeb jingħad li dis-sena ma kienx hemm rebbieħa fil-kategoriji tal-kotba oriġinali u tat-traduzzjoni għall-adolexxenti, jiġifieri ta’ bejn 13 u 16-il sena. Ara l-lista tar-rebbieħa hawn taħt.

Fid-diskors tagħna l-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li l-pandemija ġabet sfidi differenti anki fosthom sabiex jiġi organizzat dan l-istess Festival. Irreferiet ukoll għall-kittieba sabiex iħaddnu l-isfida tal-preżenza online u jkattru l-pubblikazzjonijiet tagħhom bħala ebooks. Filwaqt li semmiet diversi proġetti tal-Ministeru sabiex iħeġġeġ il-qari, tkellmet ukoll dwar l-Education Exception u l-investiment fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Temmet tawgura lill-pubblikaturi tal-Festival li qed jesponu l-ħidma tagħhom. 

It-tim organizzattiv tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanut tal-Kotba 2021 jawgura edizzjoni oħra mill-aħjar lill-pubbliku, u jħeġġu jidħol www.ktieb.org.mt sabiex jara l-programm sħiħ tal-attivitajiet. Il-Festival jibqa’ sejjer sal-Ħadd 7 ta’ Novembru fl-MFCC, Ta’ Qali.

Ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2021

Kategorija: Xogħlijiet oriġinali 0-7 snin
Premju mogħti lil Noel Tanti u lill-illustratur Matt Stroud għall-kitba u l-illustrazzjoni tal-ktieb Tal-Forn, rispettivament. Pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers.

Kategorija: Xogħlijiet oriġinali 8-12-il sena
Premju mogħti lil Simon Bartolo u lill-illustratur José Luis Oscaña għall-kitba u l-illustrazzjoni tal-ktiebn Il-Kreatura tal-Bir, rispettivament. Pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers.

Kategorija: Xogħlijiet maqlubin għall-Malti 0-7 snin
Premju mogħti lil Clare Azzopardi għall-ktieb Ors fl-Ispazju (Merlin Publishers), oriġinarjament ta’ Deborah Abela u Marjorie Crosby-Fairall bħala illustratur.

Kategorija: Xogħlijiet maqlubin għall-Malti 8-12-il sena
Premju mogħti lil Simone Inguanez għall-ktieb Il-Familja Frattarija u d-Dar li Tagħtas (Merlin Publishers), oriġinarjament ta’ Kari Smeland uFrancesca Grech bħala illustratur.

Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra
Il-premju mar għand Merlin Publishers għall-ktieb Amazing Maltese Women, miktub minn Kristina Chetcuti u llustrat minn Marisa Attard.

[/vc_column][/vc_row]


Share Article