It-taxxa fuq id-dħul mid-drittijiet tal-awtur niżlet minn 15% għal 7.5%. Dan tħabbar dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, On. Clifton Grima, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri.

Ix-xogħol leġislattiv tal-KNK fuq it-taxxi mid-dħul mid-drittijiet beda fl-2020, meta ġie ppubblikat abbozz ta’ liġi li ppropona, fost affarijiet oħra, inċentivi fiskali li jinkuraġixxu lill-imsieħba fl-industrija jimxu ma’ standards professjonali, l-aktar meta niġu għall-ħlas tad-drittijiet lill-awtur li ma jkunux taxxabbli, u biex il-pubblikatur ikun jista’ jitlob sa 200% rifużjoni tat-taxxa fuq id-drittijiet kollha mħallsa lill-awturi.

Fid-diskors tiegħu, l-On. Grima qal li l-Gvern jemmen li “biex is-setturi tal-kultura, l-arti u l-kreattività jkomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli u joffru l-kontribut ewlieni tagħhom fit-tisħiħ tas-soċjetà, irridu tabilħaqq inkomplu nsostnu l-impenn qawwi tagħna favur ix-xogħol tal-artisti u l-kreattività tagħhom – mhux l-inqas l-awturi.” Sostna li t-tisħiħ ekonomiku tal-industrija tal-kotba huwa wkoll ta’ importanza nazzjonali, għax l-artist għandu rwol importanti fil-qalba ta’ soċjetà demokratika u fil-ħajja ta’ pajjiż.

Min-naħa tiegħu, Camilleri beda billi rringrazzja lill-Gvern ta’ dan it-tnaqqis fit-taxxa, li se tfisser aktar flus u riżorsi lill-awturi sabiex jippubblikaw u jtejbu s-sengħa tagħhom. Filwaqt li t-talba oriġinali tal-KNK kienet li t-taxxa titneħħa għalkollox, u fid-dawl tal-fatt li bħalissa ninsabu nofs triq, il-KNK kommess li ħa jibqa’ jistinka biex it-taxxa titneħħa għal kollox. Qal li jemmen li d-dħul li l-Gvern jiġbor mit-taxxi fuq id-dħul mid-drittijiet tal-awtur huwa kumplessivament żgħir, u allura l-aspetti pożittivi tat-tneħħija tat-taxxa fuq l-industrija tal-kotba jkunu akbar mill-aspetti negattivi rigward inqas dħul lill-Gvern mit-taxxi.

Irrefera wkoll għat-tieni talba tal-KNK, li tikkumplimenta lil din, jiġifieri li l-pubblikatur ikun jista’ japplika għal rifużjoni tat-taxxa mħallsa fuq drittijiet imħallsa lill-awturi, sa massimu ta’ 200% tat-taxxa mħallsa.

Temm jgħid li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jibqa’ jistinka għall-indipendenza ekonomika tal-isieħba tiegħu, ewlenin fosthom l-awturi u l-pubblikaturi. Semma wkoll kif għall-ewwel darba, fl-2023 il-KNK beda jippremja wkoll lill-pubblikaturi li l-ktieb tagħhom jirbaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, minbarra l-premju lill-awtur kif dejjem sar.


Share Article