Kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u Modern Poetry in Translation (MPT), rivista li tressaq flimkien l-aqwa poeżija, esejs u reċensjonijiet riċenti minn madwar id-dinja ħalliet il-frott tagħha.

Wara li aktar kmieni din is-sena, diversi poeti u tradutturi Maltin wieġbu għas-sejħa għal tressiq ta’ poeżiji Maltin tradotti għall-Ingliż, nhar it-Tlieta, 15 ta’ Awwissu fis-2pm, l-MPT se jniedu b’mod online l-aħħar ħarġa tagħhom bl-isem Call the Sea a Poet: Focus on Malta.

F’din il-ħarġa se jidhru poeżiji kemm ta’ poeti li ilhom fix-xena għal diversi snin bħal Antoine Cassar, Nadia Mifsud u Immanuel Mifsud, kif ukoll poeti oħrajn aktar żgħażagħ bħal Jasmine Bajada u Karina Fiorini. Uħud mit-traduzzjonijiet saru minn Albert Gatt, Irene Mangion u Alfred Palma. Adrian Grima kkontribwixxa wkoll b’esej fuq il-lingwi.

It-tnedija se tkun immexxija mill-editriċi Khairani Barokka waqt li ż-żewġ poeti Maltin Maria Grech Ganado u Priscilla Cassar se jkunu l-mistednin speċjali. Se jkun hemm qari minn din il-ħarġa nnifisha, u diskussjoni maż-żewġ poeti Maltin.

Maria Grech Ganado hija Poeta Lawreata, tittraduċi mill-Malti għall-Ingliż, u l-poeżija tagħha ġiet tradotta għal 14-il lingwa, u rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb erba’ darbiet.

Priscilla Cassar hija terapista, pedagoga mal-anzjani u poeta b’interess fl-arti mwaħħda mas-saħħa. Il-poeżija, proża u traduzzjonijiet tagħha ġew ippubblikati f’diversi antoloġiji u proġetti, kemm lokalment kif ukoll lil hinn. Bħalissa qed taħdem fuq l-ewwel antoloġija tagħha ta’ poeżija.

It-tnedija se ssir permezz ta’ Zoom fuq din il-ħolqa. Waqt li se tkun bl-Ingliż, se jkun hemm interpretazzjoni wkoll permezz tal-Lingwa tas-Sinjali Brittanika. Il-pubbliku se jkun mistieden ukoll jipparteċipa. Waqt li d-dħul huwa b’xejn b’donazzjoni volontarja, jenħtieġ li tibbukkja post minn fuq din il-ħolqa.


Share Article