Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa okkażjoni tajba għall-istudenti biex jiżviluppaw ħiliet relatati mal-apprezzament tal-kotba u l-qari, il-kapaċità li jagħżlu ktieb tajjeb għalihom u ċ-ċans biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-pubblikaturi u l-offerti tagħhom.

Ladarba l-Festival se jsir onlajn, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jieħu li jista’ minnu biex iħaffef il-proċess tranżitorju tal-pubblikaturi għad-dinja tal-bejgħ online.  Il-ħwienet tal-kotba online tal-pubblikaturi Maltin diġà qegħdin hemm, u l-kotba jinsabu għall-bejgħ b’mod faċli mis-siti tagħhom u minn applikazzjonijiet tal-mowbajl. Il-KNK u l-eżebituri virtwali kollha ta’ dis-sena determinati li jipprovdu lill-udjenza esperjenza sħiħa magħmula mill-kotba, il-letteratura u l-qari.

Is-soltu nallokaw vawċer lil kull student li jkun irreġistrat biex jipparteċipa waqt il-Festival. Dis-sena dal-vawċer se ntellgħuh minn €3 għal €5, u dan il-vawċer se jintbagħat b’imejl lil kull student irreġistrat. Il-vawċer ikun jista’ jissarraf mingħand il-ħwienet online ta’ kull eżebitur tal-Festival.

Agħtu titwila lejn l-animazzjoni qasira li ppreparajna għall-edizzjoni virtwali tal-Festival, li tinkludi l-karattri ta’ Dr. Seuss li jsebbħu l-poster ta’ dis-sena.

L-eżebituri virtwali kollha tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020

AVC www.merlinlibrary.com
BDL Books www.bdlbooks.com/
Central Bank of Malta www.centralbankmalta.org/the-library
EDE Books www.edebooks.eu/bookstore/
Faraxa Publishing www.faraxabooks.com/
Għaqda tal-Malti – Università www.facebook.com/ghaqdamalti/
Heritage Malta Publishing www.heritagemalta.org/book-buy/heritage-malta-publications/
Horizons www.horizons.com.mt/
Istituto Italiano di Cultura www.iicvalletta.esteri.it/iic_lavalletta/it/
Kite Group www.kitegroup.com.mt/
Klabb Kotba Maltin / Midsea Books www.midseabooks.com/books/
Mellieħa Local Council www.mellieha.gov.mt/
Merlin Publishers www.merlinpublishers.com/
Miller Distributors Ltd. www.agendabookshop.com
Miranda Publishers www.mirandabooks.com/
Octavo www.octavo.app/en/store
Sensiela Kotba Soċjalisti www.bdlbooks.com/publisher/sensiela-kotba-socjalisti/

 

Waħda mill-prijoritajiet tal-KNK dejjem kienet il-promozzjoni tal-kotba u l-qari mal-ġenerazzjoni ż-żgħira, u bħalma jiġri kull sena xi attivitajiet waqt il-Festival saru apposta għall-istudenti. Ladarba m’hemmx restrizzjonijiet fuq kemm jistgħu jattendu studenti, din l-edizzjoni aktarx se tilqa’ lill-popolazzjoni studenteska kollha ta’ Malta u Għawdex li se tibbenefika mill-attivitajiet kulturali u ta’ gost online – fosthom xows teatrali, qari u laqgħat mal-awturi – u l-vawċers.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 se jasal f’kull klassi f’Malta u Għawdex b’xows teatrali magħmula apposta skont l-età, u dax-xows se jintwerew online. Ix-xows bil-Malti huma bbażati fuq kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka u mtellgħin minn tim ta’ atturi professjonali mmexxi minn Antonella Axisa. Ix-xow bl-Ingliż se jittella’ mill-mistieden speċjali l-Iżraeljan Eran Katz, l-awtur u għalliem rinomat ta’ kotba dwar il-ħiliet tal-moħħ.

Kull Prinċipal ta’ Kulleġġ intbagħatlu ċirkulari bid-dettalji kollha dwar kif tirreġistra u ssarraf il-vawċer. Jekk inti kap ta’ skola jew għalliem u għadek ma rċevejtx iċ-ċirkulari u tixtieq tirreġistra lill-istudenti għall-attivitajiet u l-vawċer ta’ €5, jekk jogħġbok kellem lill-KNK fuq simona.cassano@ktieb.org.mt. Ir-reġistrazzjoni se tibqa’ miftuħa sat-23 ta’ Ottubru 2020.

Nixtiequ li l-Festival jipprovdi lill-għalliema, l-istudenti u min jieħu ħsiebhom inċentivi biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-eżebituri u l-ħwienet online tagħhom.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jibqa’ l-aktar avveniment prestiġġjuż relatat mal-kotba fil-kalendarju kulturali Malti, bi programm li jinkludi tnedijiet, qari, laqgħat m’awturi, qari ta’ poeżija, taħditiet, diskussjonijiet, seminars u għadd ta’ attivitajiet b’awturi lokali u internazzjonali. Sir Salman Rushdie, wieħed mill-aktar awturi ċċelebrati ta’ żmienna, huwa l-mistieden internazzjonali għall-edizzjoni ta’ dis-sena.

L-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 se ssir bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Facebook tal-KNK u s-sit tagħna ktieb.org.mt

 


    Share Article