Skip to content

Inniedu l-Powster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ’25!

Image of Inniedu l-Powster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ’25!

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir qed jaqsam magħkom il-powster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ dis-sena, li se jsir fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru.

Il-powster iġorr it-tema nikteb mill-ġdid, li tissimbolizza l-qawwa tal-kotba u l-letteratura li jħeġġġu l-bidla u l-metamorfosi, għax, appuntu, huma ispirati minnhom. Il-Festival, issa fis-46 edizzjoni tiegħu, beħsiebu jlaħħam dan l-ispirtu ta’ tiġdid u relevanza mal-issa.

Il-powster – xogħol Angele Azzopardi minn UNGL Studio bit-ritratti ta’ Jacob Sammut – jibni fuq dil-viżjoni. Id-deċiżjoni li nużaw elementi fotografiċi minflok illustrazzjonijiet timmarka bidla minn kif il-Festival ġie ppreżentat fil-passat, u dan jikkontribwixxi wkoll għall-identità distinta u friska li xtaqna.

“Ladarba t-tema għal dis-sena hija l-qawwa ta’ trasformazzjoni relevanti xtaqna li l-powster – il-quċċata ta’ din l-identità viżiva – ikun jirriflettiha”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri.

“Inħossuna ffurtunati li tul is-snin ħdimna ma’ wħud mill-aqwa illustraturi f’Malta, li tawna powsters eċċellenti u li diffiċli tinsiehom, b’kull wieħed jagħti karattru uniku li jaqbel mal-fatt li dan l-avveniment huwa l-akbar ċelebrazzjoni tal-ktieb li ssir f’Malta. Daqstant ieħor imma ninsabu kuntenti kemm bix-xogħol tal-fotografija kif ukoll bix-xogħol tad-disinjaturi grafiċi fil-ħidma ta’ powster li ġabar l-ispirtu kollu fi ftit spazju”, żied Camilleri.

Ir-ritratti li jidhru fil-powster se jintużaw ukoll fil-filmat promozzjonali tal-Festival ’25, li fih it-tema nikteb mill-ġdid did-darba se tieħu l-ħajja b’narrattiva qsajra u ħelwa. Il-filmat promozzjonali jiġi ppubblikat kmieni f’Settembru, u jibqa’ jintuża fil-kampanji tal-marketing tal-KNK li l-għan tagħhom se jkun li l-Festival jidher kemm jista’ jkun u b’mod strateġiku fi mkejjen differenti f’Malta.

Issa li ħriġna l-powster hemm barra, il-KNK fuq ix-xwiek biex iħabbar aktar informazzjoni dwar il-Festival fil-ġimgħat li ġejjin, ewlenija fosthom l-isem tal-ewwel mistieden speċjali fl-24 ta’ Ġunju.

Ibqgħu segwuna fuq ktieb.org.mt u Instagram tal-KNK, kif ukoll fuq Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.