
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir qed iħabbar li l-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2021 iddeċieda u qabel dwar is-sottomissjonijiet rebbieħa għal din l-edizzjoni tal-Fond.
L-għan ewlieni tal-fond huwa li jissussidja pubblikazzjonijiet ta’ kwalità u li jeħtieġu l-fondi sabiex jiġu ppubblikati, pubblikazzjonijiet li mhumiex meqjusa bħala kummerċjalment vijabbli, u li għandhom valur kulturali. Il-proġetti rebbieħa ntgħażlu skont damma ta’ kriterji mfassla minn qabel, fosthom il-valur kulturali tal-pubblikazzjoni proposta, u l-ħtieġa tal-finanzjament minħabba n-natura speċjalizzata u mhux kummerċjali tal-proġett.
Il-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2021 kien magħmul minn tliet aġġudikaturi – Is-Sinjura Maria Giuliana Fenech, Prof. Yosanne Vella, u Dr Toni Sant.
Kien hemm kwalità għolja ħafna fis-sottomissjonijiet għal din l-edizzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb fit-tliet kategoriji kollha, kif ukoll varjetà ta’ ġeneri, partikolarment fil-kategorija tal-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni. L-aġġudikaturi eżaminaw kull applikazzjoni skont is-sħuħija tagħha, l-ispiża ta’ kull proġett, il-vijabilità, u l-valur kulturali. Wara analiżi bir-reqqa tal-aspetti kollha ta’ kull applikazzjoni sottomessa, taw il-marki lil kull proposta b’mod indipendenti.
Id-data tal-iskadenza għas-sottomissjonijiet kienet it-30 ta’ Ġunju, u t-tliet aġġudikaturi ħadmu b’mod indipendenti fuq l-istess settijiet ta’ applikazzjonijiet sas-26 ta’ Lulju, sakemm qasmu ma’ xulxin l-ewwel reazzjonijiet evalwattivi tagħhom. Matul l-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu t-tliet folji evalwattivi u indipendenti ngħaqdu f’waħda u fid-9 ta’ Awwissu r-rapport u l-lista finali tal-benefiċjarji waslu għand il-KNK. Il-parti l-kbira tal-benefiċjarji ġew allokati lilhom fondi intieri, sabiex jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ kull proġett iffinanzjat.
Tajjeb li wieħed jinnota li, minħabba li kull għotja kellha massimu ta’ fondi allokati għaliha (€ 50,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni, € 40,000 għat-Traduzzjonijiet mill-Malti għal lingwi oħra, u € 15,000 għal Traduzzjonijiet għall-Malti) u anki għaliex xi proposti marru aħjar minn oħrajn billi ssodisfaw ir-regolamenti, ġie deċiż li xi proġetti jingħataw fondi parzjali, jiġifieri ngħataw inqas fondi minn kemm kienu oriġinarjament mitluba mill-applikant. Peress li dal-proġetti xorta tqiesu li għandhom valur kulturali sinjifikanti, il-bord tal-aġġudikaturi tahom parti minn dak li talbu bil-ħsieb li dan jgħinhom jiġu ppubblikati xorta waħda.
Importanti jiġi nnutat ukoll li jekk wieħed ma rnexxilux jikkwalifika għall-fondi did-darba ma jfissirx li ma jistax japplika mill-ġdid bl-istess proġett jew bi proġett differenti meta terġa’ toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet.
Wara l-proċess tal-għażla u l-pubblikazzjoni tar-riżultati, il-KNK se jikkuntattja lill-applikanti rebbieħa biex jiffirmaw il-kuntratt tal-benefiċjarju, jingħadda lilhom il-fond, u jsir il-ftehim fuq iż-żmien għat-twettiq tal-proġett. Il-kotba għandhom jiġu ppubblikati fi tmintax-il xahar minn meta l-applikanti jiffirmaw il-kuntratt.
Il-proġetti rebbieħa skont il-kategorija tal-Fond, bl-isem tal-benefiċjarju u l-ammont mogħti tista’ tarahom mit-tabelli hawn taħt:
Għotjiet għall-Publikazzjoni
Applikant // Applicant | It-titlu tal-proġett // Project title | Fond allokat // Funds allocated |
---|---|---|
Evelyn Pullicino | Breaking the Law in Nineteenth-century Malta | 5000 |
Fabrizio Ellul | Sarangu - A Maltese Folktale | 3300 |
Claudia Gauci | Max-Xatt tat-Tamarisk | 5000 |
Charles Briffa | Il-Ġrajja Ssir Kelma: Ngħarrxu fl-Imgħoddi u l-Preżent | 4500 |
Alex Vella Gregory | Codex Melitensis: Ġabra ta' Riflessjonijiet Poetiċi Miktuba Waqt il-Mixja tal-Camino de Santiago | 3310 |
Marlon Chircop | Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq | 3093 |
Zvezdan Reljic | Marta, Marta! | 5000 |
Rita Saliba | Minn Wara l-Ħġieġ: Ġabra ta' Poeżiji | 3500 |
Albert Marshall | Teatru, Teatrin, Buzzetti u Skizzi oħra Teatrali | 5000 |
Gordon Pisani | The Darmanin Artists - Thriving in a British Colony | 5000 |
Joseph Mizzi | Mdina Recollections - A Journey Through the Centuries | 3650 |
Joseph Bugeja | Il-Bijografija ta' Salvu Bugeja: Artist Nazzjonali, Skultur u Mużiċist | 3647 |
Għotjiet għat-Traduzzjoni – Kat. 1 Traduzzjoni ta’ kotba Maltin
Applikant // Applicant | It-titlu tal-proġett // Project title | Fond allokat // Funds allocated |
---|---|---|
Dejan Matić | 'L-Aqwa Żmien' / 'The best of times' by Immanuel Mifsud into Serbian using English as a bridge language | 4290 |
Arnold Cassola | Traduzzjoni ta’ Suleyman the Magnificent and Malta 1565 għall-Franċiż | 3800 |
Maria Cecilia Castagna | An Italian translation of 'Kissirtu Kullimkien' by Lara Calleja | 3250 |
Immanuel Mifsud | Traduzzjoni għall-Ingliż tal-ktieb 'Fid-dlam tal-lejl ħarisna' | 4800 |
Gezim Tafa | Immanuel Mifusd's 'L-Aqwa Żmien' translated into Albanian | 1980 |
Lara Calleja | 'Kissirtu Kullimkien' to be translated into English by Clare Vassallo and used as bridge | 3250 |
Julijana Velichkovska-Dimoska | 'Around Two and a Half Hours Away From Heaven' by Immanuel Mifsud into the Macedonian Language | 2640 |
Yana Psaila | Antoloġija tan-Novella Moderna Maltija (traduzzjoni ta' 22 novella) | 4873.60 |
Charles Casha | 'A Book for Amy' - translation of the novel 'Ktieb Għal Amy' (KKM,1999) | 2500 |
Nestoras Poulakos | 'In the Name of the Father (and of the son)' translated into Greek | 5000 |
Hrant Aleksanyan | Immanuel Mifsud's 'Jutta Heim' translated into Armenian | 3616.40 |
Għotjiet għat-Traduzzjoni – Kat. 2 Traduzzjoni għall-Malti
Applikant // Applicant | It-titlu tal-proġett // Project title | Fond allokat // Funds allocated |
---|---|---|
Joseph Pulè | Pierre u Jean: It-traduzzjoni mill-Franċiż tar-rumanz 'Pierre et Jean' ta' Guy de Maupassant | 3725 |
Toni Aquilina | It-traduzzjoni ta' 'L'exil et le Royaume' ta' Albert Camus | 5000 |
Mark Vella | Traduzzjoni mit-Taljan għall-Malti tar-rumanz ta' Irene Chias, 'Fiore d'agave, fiore di scimmia' (Laurana, 2020) | 4500 |
Kit Azzopardi | It-traduzzjoni ta' 'House in Limbo' ta' Mary Grima | 1760 |