Skip to content

Fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 se Niktbu mill-Ġdid!

Image of Fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 se Niktbu mill-Ġdid!

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir qed jiżvela l-logo u t-tema li se jiggwidawna fl-organizzazzjoni ta’ edizzjoni oħra tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li dis-sena se ssir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fl-MFCC, Ta’ Qali.

Xprunati u ispirati mir-rebranding li għadna kif għamilna ftit tal-ġimgħat ilu, il-KNK ħa direzzjoni kuraġġuża għall-edizzjoni 2025 tal-akbar avveniment letterarju f’Malta. Dis-sena t-tema ewlenija tal-Festival hi l-bidla trasformattiva… dan jidher fid-disinn tal-logo u anki tat-tema: nikteb mill-ġdid.

It-tema ntgħażlet għax, litteralment, kull traġitt letterarju jinvolvi proċess matamorfiku, kemm jekk il-ħajja tinbidel fi kliem u kemm jekk xogħol letterarju jieħu l-ħajja f’xi forma artistika oħra.

Kull ktieb jesprimi b’xi mod jew ieħor bidla fil-qagħda jew fil-ħsieb – sija jekk iżommok miegħu minħabba l-pass mgħaġġel ta’ narrattiva tensa, sija jekk jitħarrek bil-qies fid-deskrizzjoni ta’ mument mill-istorja (mument intimu jew pubbliku), sija jekk jieħdok fi vjaġġ f’ġeneri differenti li jqanqlu fik espressjonijiet differenti – dal-vjaġġ jgħaddik minn paġna għal oħra sakemm tasal fl-aħħar waħda.

Huwa prorpju das-sens ta’ tiġdid dinamiku li janima l-identità tal-Festival ta’ dis-sena.

“Avveniment bħall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għandu l-privileġġ li jkun appuntament ewlieni fil-kalendarju kulturali tal-pajjiż, iżda jgħabbina wkoll br-responsabbiltà li nassiguraw li kull edizzjoni tinħass ġdida u friska”, ikkummenta l-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri. “Irridu nibqgħu nippjanaw b’mod imġedded – kemm mil-lat ta’ kontenut u anki fil-preżentazzjoni – u dan hu l-messaġġ b’saħħtu li rridu nwasslu bit-tema ‘nikteb mill-ġdid’ li se sserrep fl-identità viżiva ta’ dis-sena”, qal Camilleri.

Dis-sena l-KNK qed jaħdem ma’ Angele Azzopardi minn UNGL Studio, li se tipprovdilna disinn li jolqot u li se jiddistingwi ruħu minn dawk ta’ edizzjonijiet oħra.

Il-versatitilità tal-logo se tgħinna nużawh b’modi differenti tul firxa ta’ inizjattivi tal-marketing tal-Festival, filwaqt li l-palette ta’ tmien kuluri distinti se tkun qed tagħti l-ħajja lil din l-identità. Barra minn hekk, il-vija artistika li ħadna tgħinna nkunu flessibbli u dinamiċi bit-tisħibiet viżivi ppjanati li jaqblu mad-disinn modulari għal dis-sena.

“Ix-xogħol ta’ Azzopardi laqat eżatt il-likk bil-karattru minimalista u flessibbli tiegħu, u allura nista’ ngħid li għandna ħafna biex naħdmu”, irrimarka Camilleri. “Aħna u nibnu l-programm tal-attivitajiet ħerqanin naraw kif se jiġi jidher b’dawn il-kuluri u l-karattru”, temm jgħid.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u dis-sena se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru l-MFCC, Ta’ Qali. Żomm ruħek aġġornat billi żżur ktieb.org.mt jew tfittex nbc_malta fuw Instagram jew The Malta Book Festival fuq Facebook.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.