Skip to content

Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship

Image of Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar li Malta ġiet magħżula bħala l-Pajjiż Fokus inawgurali tal-Mediterranea Publishing Fellowship (MPF) li ħa jkun qed jinżamm ġewwa Cagliari fl-Italja bejn it-2 u l-4 ta’ Settembru. Din l-opportunità importanti tpoġġi lil Malta fil-qalba tad-diskussjoni dwar l-ippubblikar Mediterranju u toffri benefiċċji bla paragun lil pubblikaturi u awturi Maltin kif ukoll imsieħba oħra f’dan il-qasam.

Il-Fellowship, fit-tieni edizzjoni tiegħu, huwa inizjattiva maħsuba sabiex tiffaċilita skambji kulturali u żvilupp professjonali fil-Mediterran. L-edizzjoni tal-2024 rċiviet ’il fuq minn 600 applikazzjoni għal 10 pożizzjonijiet biss ta’ fellowship, li turi l-interess b’saħħtu tas-settur tal-pubblikazzjoni fil-kollaborazzjoni transkulturali. Mgħejjuna mill-fatt illi Malta ħa tkun l-ewwel Pajjiż Fokus, il-professjonisti Maltin fil-qasam tal-pubblikazzjoni jistgħu jiksbu aċċess unniku għal netwerks internazzjonali, sessjonijiet ta’ qsim t’għarfien m’oħrajn kif ukoll opportunitajiet ta’ xiri ta’ drittijiet. 

Bħala parti mill-inizjattiva, delegati Maltin ħa jkollhom kuntatt dirett ma’ pubblikaturi barranin, ikunu jistgħu jrawmu kollaborazzjonijiet li jwasslu għal ftehim ġdid dwar liċenzji kif ukoll drittijiet u opportunijiet ta’ traduzzjoni. MPF ħa tkun ukoll kuratur ta’ katalgu ta’ drittijiet ibbażat fuq Literature from Malta, il-katalgu ta’ drittijiet barranin maħruġ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2025. Dan il-katalgu ħa jkun qed ipoġġi fil-vetrina xogħlijiet letterarji Maltin għal bejjiegħa barranin u jipprovdi sapport strutturat li jgħin lill-parteċipanti tal-MPF jsiru jafu aħjar u aktar dwar l-iskemi ta’ fondi Maltin għat-traduzzjoni.

Delegati ħa jkunu jistgħu jieħdu sehem ukoll f’workshops iffukati fuq l-industrija, sessjonijiet ta’ mentoring ma’ professjonisti b’esperjenza fil-qasam, u opportunitajiet immirati ta’ netwerking u maħsuba biex jiffaċilitaw relazzjonijiet ta’ negozju fit-tul. Il-programm ħa jkun qed jippermetti l-bdil ta’ prattiċi mill-aqwa, iċ-ċans li jiġu studjati xejriet fis-suq globali, u l-iżvilupp ta’ starteġiji għall-promozzjoni tal-letteratura Maltija ’l barra minn xtutna.

It-8-10 delegati ħa jkunu magħżula minn dawn il-gruppi:

• Awturi (jipprovdu l-kuntest)
• Pubblikaturi (mudelli ta’ drittijiet)
• Esperti kulturali (arkivisti ta’ stejjer)

Lil hinn mill-benefiċċji diretti għall-pubblikaturi Maltin, l-irwol tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’inizjattivi bħall-Fellowship dwar il-pubblikazzjoni fil-Mediterran (MPF) jirriflettu impenn dejjem ikbar sabiex jissaħħaħ is-settur lokali tal-pubblikazzjoni kif ukoll li jsir aktar internazzjonali. Bil-parteċipazzjoni attiva f’dawn l-inizjattivi, il-KNK qed jiżgura illi l-imsieħba lokali għandhom aċċess għas-swieq internazzjonali, jibnu kollaborazzjoni ikbar ma’ pubblikaturi barranin u jiżguraw opportunitajiet ġodda għal-letteratura Maltija sabiex tikber ’il barra minn xtutna. Din il-preżenza dejjem tikber fuq ix-xenarju internazzjonali ħa toħloq mogħdijiet fit-tul għal-letteratura Maltija biex tilħaq udjenzi ġodda u tkabbar il-viibilità tagħha fi swieq globali.

Is-sejħa għal delegati tiftaħ fit-28 ta’ Frar 2025, bl-applikazzjoni jagħlqu fit-18 ta’ Marzu 2025. Id-delegati magħżula ħa jitħabbru sal-31 ta’ Marzu 2025. Bi tħejjija għal din il-fellowship, qabel l-MBF f’April ħa jkunu qed jinżammu webinars, li ħa jkunu qed jiffukaw fuq opportunitajiet ta’ fondi, u f’Mejju oħrajn li ħa jkunu qed jitkellmu dwar it-tradizzjoni tal-irrakkuntar.

Dawk interessati huma mħeġġa japplikaw permezz ta’ din il-ħolqa.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.