Skip to content

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid!

Image of Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid!

Folja ġdida għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), hekk kif għadna kif ħabbarna identità viżiva ġdida bħala parti minn pjan usa’, li fost l-oħrajn jinkludi sit totalment ġdid. Dan il-pass idaħħal lill-Kunsill f’era ġdida li se tgħinu jirfina l-missjoni tiegħu u jkompli jippromwovi l-Letteratura Maltija kemm f’Malta u anki internazzjonalment. L-aċċessibbiltà, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà huma fil-qalba tal-proċess.

Ir-rebrand sar b’ħidma ma’ Concept Stadium, u l-logo l-ġdid juri b’mod eleganti kotba mpoġġija fuq xulxin bħala tfakkira liema prinċipji jiggwidaw lill-KNK f’xogħlu.

Il-Manager tal-Marketing tal-KNK, Teodor Reljić, qal, “Bħala l-entità ewlenija li tirrappreżenta lill-industrija f’Malta, il-KNK kburi li dejjem kellu sehem importanti fl-ekosistema kulturali Maltija, u allura identità viżiva b’saħħitha postha fil-bagalja ta’ riżorsi li għandna”.

Id-dehra l-ġdida tal-KNK tidher bl-aħjar mod fis-sit il-ġdid tiegħu, li tnieda dil-ġimgħa wkoll biex ikompli fl-istess vena tar-rebranding. Is-sit ġie kkreat b’ħidma ma’ 9HDigital, b’ritratti ġodda meħuda mill-fotografu Nathan Camilleri, u l-għan tiegħu hu li jtejjeb l-esperjenza tal-utenti b’navigazzjoni aktar ċara, disinn sempliċi, u aċċessibbiltà mħeffa.

Minkejja li nżamm grad ta’ kontinwità u familjarità ma’ dak li kien hemm qabel, is-sit il-ġdid itejjeb fuq ta’ qablu b’mod li ma jinħassux skossi f’dit-tranżizzjoni, u għalhekk l-esperjenza tal-browsing tiġġedded. L-utenti se jkunu jistgħu jinnavigaw b’aktar ħeffa d-dettalji dwar il-konkorsi u l-inizjattivi varji tal-KNK, fost l-oħrajn għall-fatt li ċerta informazzjoni relatata mal-istorja u l-parteċipanti tagħhom se tibda tkun aktar fejn tidher. Ġew rijorganizzati ċerti sezzjonijiet relatati mal-midja, il-pubblikazzjonijiet tal-KNK u r-riżorsi sabiex ċertu materjal relatat mal-kultura letterarja Maltija l-pubbliku jkun jista’ jaċċessah mill-ewwel. Dan it-tip ta’ materjal ħafna drabi kien ikkreat mill-KNK fil-passat u issa ġie arkivjat.

Wara dal-pass issa jmiss il-pubblikazzjoni tad-dokument tal-Istrateġija fuq Ħames Snin, li se jmexxina bejn l-2025 u l-2030. Ir-rebranding u s-sit il-ġdid huma biss twittija tat-triq li se twassalna għal din il-fażi importanti għall-mod kif se nibdew noperaw fis-snin li ġejjin.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.