Skip to content

Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Image of Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Wikimedia Community Malta (WCM) u l-Kunsill Nazzjonali tal-Kitieb (KNK) iħabbru bi pjaċir li Enriquè Tabone u Katja Zahra Camilleri ntgħażlu biex ikunu l-Wikimedians in Residence biex jaħdmu fuq inizjattiva importanti li se tiffoka fuq il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Bis-saħħa ta’ dil-kollaborazzjoni se tiżdied l-aċċessibbiltà u titjieb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-Letteratura Maltija fuq il-Wikipedija u l-Wikidata. Dan ifisser viżibbiltà aktar b’saħħitha tal-awturi, it-tradutturi, l-illustraturi, il-kotba u l-pubblikaturi permezz ta’ lista sħiħa tar-rebbieħa kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li se tkun tinkludi informazzjoni bijografika u biblijografika.

Dil-ħidma hija parti minn waħda usa’ sabiex l-istorja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tiġi ddokumentata sa mill-bidu tiegħu fl-1971. Tabone u Zahra Camilleri se jkunu qed jorganizzaw workshops, edit-a-toni u attivitajiet kollaborattivi sabiex ikabbru l-informazzjoni disponibbli dwar il-kittieba rebbieħa tal-Premju u xogħolhom, u jtejbuha b’mod strutturali u ta’ min joqgħod fuqha.

Enriquè Tabone għandha esperjenza wiesgħa fil-proġetti tal-Wikimedija, peress li għandha rwol ċentrali fid-WCM bħala koordinatriċi tal-programmi u riċerkatriċi akkdemika. Ir-riċerka postgradwali tagħha fil-qasam tal-wirt kulturali ġiet ippubblikata f’journals akkademiċi fir-Renju Unit u l-Italja. Katja Zahra Camilleri hija esperta fl-immaniġġjar tal-informazzjoni u r-riċerka, u tispeċjalizza fuq il-vokabularju kkontrollat u l-preservazzjoni ta’ efimeri minn Malta, fost l-oħrajn bil-ħidma tagħha fuq il-Programmi tal-Festa – turija tal-imħabba tagħha lejn il-wirt kulturali.

Minbarra dan ix-xogħol li se jkunu qed iwettqu fuq il-proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Enriquè u Katja huma wkoll il-fundaturi ta’ WikiNisa – inizjattiva li tindirizza li tnaqqas id-distakk bejn il-mara u r-raġel fuq il-pjattaformi tal-Wikimedija billi tixħet dawl fuq il-kisbiet tan-nisa Maltin. Is-sena l-oħra nedew ukoll il-proġett Każini, li jiddokumenta l-każini tal-banda Maltin fuq il-Wikimedia billi jippreserva s-sinjifikanza storika u kulturali tagħhom f’format viżiv u strutturat.

Il-Wikimedia residency hija pass sinjifikanti ’l quddiem fit-tisħiħ tar-rappreżentazzjoni diġitali tal-wirt letterarju Malti.

Kull min hu interessat jgħin f’dal-proġett kollaborattiv bejn il-KNK u d-WCM, ngħidu aħna fid-dokumentazzjoni tar-rebbieħa mill-passat, imħeġġeġ jirreġistra l-interess tiegħu hawnhekk: http://wikimalta.org/kotba

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.