Skip to content

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb isellem il-memorja ta’ Lina Brockdorff

Image of Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb isellem il-memorja ta’ Lina Brockdorff

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq isellem il-memorja ta’ Lina Brockdorff – kittieba rebbieħa ta’ bosta premji letterarji, poeta, xandara u edukatriċi – li ħallietna lbieraħ l-10 ta’ Frar fl-età ta’ 95 sena.

Fost uħud mill-aħjar xogħlijiet tagħha nsemmu Sireni u Serenati (2004) dwar il-memorji tagħha tat-Tieni Gwerra Dinjija, u li kien rebbaħha l-premju għall-Aħjar Rumanz mhux Fittizju tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Eventwalment, il-ktieb ixxandar f’serje għar-radju, u nqaleb għall-Ingliż fl-2016 minn Alfred Palma, li inċidentalment ħalliena wkoll ftit tal-ġimgħat ilu. Ir-rumanz storiku tagħha Luciano tal-2016 kien inħareġ ukoll bl-Ingliż, traduzzjoni ta’ Rose Marie Caruana fl-2019.

Brockdorff kellha repertorju impressjonanti ta’ kitba ta’ novelli, u sa tmiem ħajjitha kienet laħqet kitbet mat-300 storja ppubblikati f’diversi kotba, bl-aħħar ġabra ta’ novelli tkun Taħt il-Ħarruba u stejjer oħra, ippubblikat minn Horizons fl-2023.

Madankollu, kien fl-aspett tax-xandir li Brockdorff bdiet trawwem it-talent tagħha għar-rakkuntar tal-istejjer. Ħadmet fir-Rediffusion fil-ħamsijiet u s-sittinijiet, u fihom kitbet u pproduċiet għadd ta’ programmi, kif ukoll drammi radjufoniċi bħal Il-Fqajjar t’Assisi.

Brockdorff serviet bħala Membru fil-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti bejn l-2004 u l-2005, u baqgħet membru għal ħajjitha kollha. Fl-2020 ġiet meqjuma bil-Midalja tad-Deheb fis-serata ta’ Ġieħ l-Akkademja tal-Malti għall-isforsi tagħha biex tippromwovi u tmexxi l-letteratura Maltija. Serviet anki bħala l-President tal-Għaqda Letterarja Maltija, u kienet ukoll Membru tal-Għaqda Poeti Maltin.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jibgħat l-għomor tiegħu lill-familja, ħbieb u qarrejja ta’ Lina Brockdorff.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.