Il-kontenut artistiku u vibranti tal-Festival ta’ dis-sena, xogħol l-illustratriċi Emma Galea Naudi u Matthew Stroud, jinkludi numru ta’ Easter eggs bi ħjiliet għal xogħlijiet klassiċi tal-letteratura tat-tfal. Bħalma l-karattri ta’ dawn l-istejjer jikbru u jiżviluppaw sabiex jegħlbu l-iżolament, hekk il-powster inbena madwar l-idea li nisbqu l-isfidi li ġabu magħhom das-sentejn bis-saħħa tal-qari ta’ kotba tajbin li jixprunaw l-ispirazzjoni fina.

Ara l-animazzjoni li ħejjejna tispirakx tiġi l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’Novembru li ġej.

L-edizzjoni tal-2021 tal-Festival, li fost l-oħrajn tinkludi żewġ avvenimenti u sessjoni ta’ ffirmar ta’ kotba mal-awtur Skoċċiż rinomat Irvine Welsh, se ssir f’post ferm akbar għall-pubblikaturi, il-bejjiegħa tal-kotba, u l-NGOs u allura esperjenza mtejba biex tqalleb u tixtri l-kotba (kif ukoll problema solvuta ta’ parkeġġ fl-MFCC). Inħawi għall-attivitajiet separati minn xulxin se jkunu qed jlqgħu preżentazzjonijiet varji ta’ kotba, kemm fiżikament u anki online, kif ukoll diskussjonijiet għal tfal ta’ kull età bil-għan li nippromwovu l-kotba u l-qari ma’ kull ġenerazzjoni u nipprovdu lil kulħadd b’opportunità biex jiffamiljarizza ruħu mal-aħjar kotba offruti mill-pubblikaturi lokali.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (3-7 ta’ Novembru) ikun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar aġġornamenti żur dan is-sit, il-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u u l-paġna tal-Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article