Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb dis-sena se jsir bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru, u l-istennija bdiet diġà. L-avveniment se jattira persuni b’interessi differenti billi joffrilhom esperjenza mogħnija mill-versatilità tal-kelma miktuba li ssib ruħha f’ilħna u ġeneri differenti.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) illum qed iħabbar bi pjaċir il-motto tal-edizzjoni ta’ dis-sena, li jsorr fih l-espressjoni ideali ta’ dil-viżjoni demokratika tal-letteratura: DINJIET JIRRIMAW.

Il-motto jirrifletti wkoll il-faċċati differenti li jiffurmaw il-proċess tal-pubblikazzjoni, mit-twelid tal-idea sal-prodott finali. Bis-saħħa ta’ dan il-logħob bil-kliem, il-Festival kommess li jesebixxi l-aspetti kollha tad-dinja letterarja, mill-kitba sal-illustrazzjoni, l-istampar u saħansitra l-illegar.

Il-kunċett tal-motto mibni fuq dawn ‘id-dinjiet’ differenti li se jingħaqdu flimkien taħt saqaf wieħed waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. L-avveniment se jlaqqa’ qarrejja, kittieba, pubblikaturi, illustraturi u ħabbieba tal-letteratura minn Malta u lil hinn minnha, u dan se jirriżulta f’ambjent eċitanti għal kulħadd.

Barra l-motto, il-KNK jista’ jiżvela wkoll dawn ‘id-dinjiet’ differenti li se jkollhom irwol importanti fil-kampanja li se twassalna sa Novembru.

  * Ir-rifletturi se jinxtegħlu fuq l-awturi ewlenin, Maltin u mhux, u l-qarrejja se jkollhom iċ-ċans jidħlu fid-dinja tax-xogħlijiet tagħhom.

* L-esperjenza immersiva tal-Festival se tinkludi xows teatrali li jżommuk, workshops li jingaġġawk, u attivitajiet interattivi għall-qarrejja ż-żgħar u l-iskejjel.

* Se jiġi ċċelebrat ix-xefaq wiesa’ tal-letteratura, bl-esebizzjoni ta’ ġeneri differenti li se jolqtu l-gosti ta’ qarrejja differenti.

* Min iżur il-Festival se jkollu ċ-ċans isir jaf aktar dwar l-espressjoni kreattiva fl-arti tal-produzzjoni tal-ktieb bis-saħħa ta’ attivitajiet u workshops parteċipattivi.

“Ħerqanin nikxfu l-motto għal dis-sena, DINJIET JIRRIMAW, għax isorr l-ispirtu ta’ unità u esplorazzjoni li hemm fil-qalba tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb”, qalet id-Direttur tal-Festival Simona Cassano, hija u tistieden lill-qarrejja ta’ kull età u sfond biex jingħaqdu mal-KNK f’dal-vjaġġ letterarju.

L-applikazzjoni għall-esebituri u r-reġistrazzjoni għall-iskejjel jiftħu fil-jiem li ġejjin. Għal aktar informazzjoni dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 żur ktieb.org.mt u l-paġna Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article