Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ippreżenta donazzjoni mdaqqsa ta’ kotba lil Malta Libraries sabiex dawn isibu posthom fuq l-ixkafef tal-libreriji pubbliċi kollha ta’ Malta u Għawdex.

Il-kotba jinkludu rumanzi, novelli, poeżiji, drama, letteratura mhux fittizja, traduzzjonijiet, kotba ta’ riċerka, kotba tat-tfal u kotba għaż-żgħażagħ li ħarġu fl-aħħar ftit snin. Dawn huma kollha pubblikazzjonijiet lokali. Fost il-kotba kien hemm bosta rebbieħa u finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka fil-kategoriji varji tagħhom, kif ukoll oħrajn minn pubblikaturi lokali differenti.

Id-donazzjoni ġiet ippreżentata mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, lid-Deputat Librara Doreen Borg Zammit minn Malta Libraries.

Il-KNK jagħmel żewġ donazzjonijiet lil Malta Libraries matul is-sena – waħda fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet u Jum il-Libreriji f’April, u l-oħra fl-aħħar tas-sena.


Share Article