Fadal ġimgħa biex jibda l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali, u minbarra l-element diġitali ġdid għal din l-edizzjoni, b’ħarsa lejn il-programm wieħed jista’ jinnota l-varjetà tal-attivitajiet li se jkunu organizzati mill-KNK u l-eżebituri virtwali. Qabel kollox, b’din l-edizzjoni qed nimmiraw li noħolqu għall-ewwel darba komunità online ta’ kittieba, qarrejja, pubblikaturi u ħabbieba tal-kotba f’Malta.

Il-programm fis-sħuħija tiegħu fih ftit aktar minn sittin attività mifruxin fuq ħamest ijiem, li jinkludu, fost oħrajn, tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat mal-awturi, gruppi ta’ ħidma u diskussjonijiet, kif ukoll damma ta’ attivitajiet għat-tfal. Dawn kollha se jkunu qed jixxandru online fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-paġna tal-Facebook.

Rebbieħ tal-Booker Prize

Il-mistieden speċjali għal dis-sena huwa Sir Salman Rushdie, wieħed mill-aktar kittieba ċelebri ta’ żminijietna. Huwa l-awtur ta’ xogħlijiet meqjusa bħala klassiċi, ngħidu aħna The Satanic Verses, The Moor’s Last Sigh u x-xogħol ewlieni tiegħu fil-ġeneru tar-realiżmu maġiku Midnight’s Children li bih rebaħ il-Booker Prize. Rushdie influwenza ġenerazzjoni ta’ kittieba u jitqies kemm bħala ikona tal-kultura pop u anki bħala wieħed mill-aktar xbihat kellemija tal-libertà tal-kelma.

Rushdie se jkun qed jipparteċipa f’żewġ avvenimenti ewlenin fil-programm kulturali. Nhar l-Erbgħa 11 ta’ Novembru fis-7pm se jkun qed jiltaqa’ fi djalogu ma’ Dr Alfred Sant, liema djalogu se jitmexxa minn Prof Clare Vassallo. Dr Sant, xbiha ċentrali tal-Letteratura Maltija, għandu warajh karriera letterarja distinta u kiteb xogħlijiet ewlenin li jvarjaw minn rumanzi sa novelli, drammi u kitbiet awtobijografiċi. Dr Sant rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ħames darbiet f’kategoriji differenti u rebaħ il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba fl-2019. Il-konverżazzjoni bejn dawn iż-żewġ kittieba se tiffoka fuq il-kisbiet, l-influwenzi u t-tħassib kurrenti ta’ dawn iż-żewġ kittieba kbar u l-ambjent kulturali tagħhom. Imbagħad il-Ħamis 12 ta’ Novembru fis-6.30pm il-pubbliku u l-istudenti universitarji se jkollu ċans uniku li jitkellem ma’ Rushdie waqt sessjoni diġitali ta’ mistoqsija u tweġiba.

Diskussjonijiet u seminars dwar temi importanti għal-letteratura Maltija: it-traduzzjoni, il-politika, influwenzaturi fid-dinja tal-kotba

Il-KNK qed jorganizza numru ta’ diskussjonijiet b’tema magħhom b’bosta awturi, pubblikaturi u tradutturi lokali u internazzjonali. ‘Lil hinn mill-Fruntieri’, nhar il-Ħamis 12 ta’ Novembru fit-8pm, se tirrifletti fuq it-traduzzjoni letterarja bħala għodda vitali li tgħaqqad lill-bnedmin flimkien fi żmien meta ħajjitna u l-vjaġġi tagħha jinsabu mexkkla. L-attività se tlaqqa’ flimkien lil Eran Katz, li kiteb il-kotba Secrets of a Super Memory Jerome Becomes a Genius, Katrina Storace, kofundatur ta’ Praspar Press dar tal-pubblikazzjoni żgħira li twaqqfet riċentament biex tippubblika letteratura Maltija kontemporanja bl-Ingliż u kotba oħra ppubblikati bl-Ingliż, l-awtur u traduttur għall-Għarbi Walid Nabhan, il-pubblikatur Malti Chris Gruppetta u Kristina Quintano, traduttriċi u pubblikatur Norveġiża li ppubblikat xogħlijiet Maltin bin-Norveġiż.

Il-pinna u s-saħħa tagħha li timmobilizza soċjetà jew poplu, u faċċati oħra tal-argument, se tlaqqa’ flimkien lil Karl Schembri (fl-istess żmien meta qed jirripubblika r-rumanz kult-klassiku u politiċizzat tiegħu Il-Manifest tal-Killer), Nadia Mifsud, Wayne Flask u l-fundatur ta’ EDE Books Zvezdan Reljić għal ‘Kliem il-Protesta’, skambju mmoderat minn Dr Adrian Grima dwar il-forom varji ta’ espressjoni letterarja ta’ protesta nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru.

L-avveniment ‘Iħalluna naqraw dak li jridu biss?’ se tiffoka fuq il-pubbliċità u l-kritika letterarja li jvarjaw mill-forom tradizzjonali sa listi tal-aqwa kotba tas-sena, premji tal-kotba, Goodreads u BookTube. Id-diskussjoni se titmexxa minn Teodor Reljić u tinkludi lil Jen Calleja, traduttriċi mill-Ġermaniż tal-ktieb ta’ Marion Poschmann The Pine Islands (Profile Books, 2019) li kien finalist tal-Premju Man Booker International 2019, Prof Ivan Callus li huwa lettur tal-kritika u t-teorija letterarja fid-Dipartiment tal-Ingliż tal-Università ta’ Malta u Robert Pisani li jmexxi l-blogg The Bobsphere.

Festival online għal aktar minn 10,000 student minn Malta u Għawdex

Il-KNK laqa’ l-isfida ta’ Festival ta’ statura nazzjonali online anki fis-servizz tagħna lil udjenza importanti sewwa – it-tfal u l-adolexxenti. Ix-xows li jsiru ta’ kull sena, ibbażati fuq l-aħjar kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka għat-tfal u ż-żgħażagħ, se jsiru xorta waħda iżda b’mod virtwali. Antonella Axisa u t-tim tagħha qed jieħdu ħsieb jaddattaw żewġ kotba rebbieħa tal-Premju ta’ dis-sena, wieħed għaż-żgħar nett u ieħor għal dawk ftit akbar, li jitħabbru nhar it-Tlieta 10 ta’ Novembru waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet tal-Premju Terramaxka fis-7pm. Magħhom jingaħqdu d-duo komiku Danusan, li qed iduru nħawi pubbliċi f’Malta u jimprovizzaw man-nies, dejjem skont il-protokolli tas-saħħa, ħames kotba rebbieħa mill-passat f’ħames episodji differenti.

Għal studenti li jippreferu xow bl-Ingliż, mistieden ieħor internazzjonali fil-Festival, Eran Katz, se jagħti x-xow bl-Ingliż ‘Secrets of a Super memory’ b’doża qawwija ta’ umoriżmu, eċitament u sorpriżi li se jirrivela tekniki straordinarji biex tissaħħaħ il-qawwa tal-memorja, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru fid-9.30am.

Kull student irreġistrat għall-Festival huwa intitolat għal vawċer ta’ 5€ li jista’ jsarrafhom mingħand kull eżebitur li se jieħu sehem fil-Festival. L-istudent jirċievi imejl bl-istruzzjonijiet kollha meħtieġa. Nixtiequ li b’hekk kemm it-tfal kif ukoll min jieħu ħsiebhom jiffamiljarizzaw aktar ruħhom mal-pubblikaturi lokali u mal-esperjenza tax-xiri tal-kotba online. Barra minn hekk inkinu qed inwieżnu lill-industrija lokali tal-kotba.

Attivitajiet oħra

It-tradizzjoni li nżommu l-jum tal-Ġimgħa għall-poeżija żammejnieha dis-sena wkoll. Ghalhekk il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru fis-7pm tixxandar iċ-ċerimonja tal-premjijiet lir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef. Il-Konkors jinsab fit-tieni sena tiegħu, u huwa opportunità għall-ħabbieba tal-poeżija biex jisimgħu qari ta’ poeżija u, ladarba jitħabbru r-rebbieħa, jiltaqa’ ma’ vuċijiet ġodda li ta’ min jibqa’ jsegwihom u jħeġġiġhom jiktbu.

Attività oħra li issa l-pubbliku sai ikun qed jistenna hi din li ntellgħu kull nhar ta’ Sibt waqt il-Festival: iċ-ċelebrazzjoni ta’ karriera letterarja ta’ kittieb jew kittieba Maltija. Il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba s-sena l-oħra ntrebaħ minn Dr Alfred Sant, u dis-sena d-dar tal-produzzjoni Take//Two, b’direzzjoni ta’ Abigail Mallia, ipproduċiet dokumentarju qasir dwar il-ħajja letterarja ta’ Alfred Sant skont kif tixref minn ħames kotba ewlenin tiegħu. Id-dokumentarju jixxandar fit-8.30pm.

It-tnedijiet u l-preżentazzjonijiet tal-kotba jibqgħu attivitajiet li l-Festival mingħajrhom ma jibqax l-istess, u għal din l-edizzjoni wkoll wieħed jista’ jinnota għadd ta’ tnedijiet u preżentazzjonijiet minn eżebituri bħal AVC, BDL, Faraxa Publishing, Kite Group, Horizons, Merlin Publishers, Midsea Books and Klabb Kotba Maltin, u Istituto Italiano di Cultura. Ta’ min jagħti titwila għal uħud bħal il-pubblikazzjoni l-ġdida bil-Malti ta’ La Divina Commedia mistennija għall-2021 fl-okkażjoni tas-700 sena mill-mewt ta’ Dante, il-ħarġa numru 39 ta’ Leħen il-Malti tal-Għaqda tal-Malti – Università, l-intervista ta’ Lovin Malta ma’ Daniel Holmes dwar il-ktieb tiegħu A Memoir From Malta’s Prison: From a cage, on a rock, in a puddle, it-traduzzjoni mill-Ispanjol għall-Ingliż ta’ Easeful Death ta’ Mark Montebello, u taħdita fuq ix-xogħlijiet ta’ Albert Camus bil-Malti, fost oħrajn. Il-KNK bi sponsorja wkoll l-ewwel pubblikazzjoni tal-Malta Illustration Annual mill-Komunità Maltija tal-Illustraturi (MCOI) li twaqqfet dis-sena stess bil-għan tagħha hu li tlaqqa’ lill-illustraturi professjonali, tippromwovi l-użu u t-tagħlim tal-illustrazzjoni bħala mezz effettiv għall-komunikazzjoni f’Malta u biex tipproteġi d-drittijiet tal-illustraturi lokalment u internazzjonalment. It-tnedija se ssir il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru fil-5pm. Aktar attivitajiet tal-MCOI relatati mal-illustrazzjoni jinsabu fil-programm.

Il-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (11-15 ta’ Novembru) qed jitħejja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bil-kollaborazzjoni ma’ numru ta’ msieħba fl-industrija bħal pubblikaturi, kittieba, bejjiegħa tal-kotba, organizzazzjonijiet studenteski u aġenziji pubbliċi.

Niżżel il-programm b’mod diġitali minn hawnhekk jew ara attività attività minn hawnhekk.


Share Article