Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iħabbar bi pjaċir il-parteċipazzjoni tal-kittieba bestseller Irlandiża Vanessa O’Loughlin – magħrufa bħala Sam Blake – bħala waħda mill-mistiedna speċjali waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023, li dis-sena se jsir bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fl-MFCC. Blake kitbet bosta kotba li telgħu fil-quċċata tal-bejgħ, u kienet finalista għall-premju prestiġġjuż Irish Crime Novel of the Year tliet darbiet.

L-aħħar xogħlijiet tagħha, fosthom is-seba’ ktieb li nbiegħ b’suċċess The Mystery of Four, u r-rumanz taż-żgħażagħ Something Terrible Happened Last Night, żammew b’interess lill-qarrejja u lill-kritiċi. Il-kontribuzzjonijiet letterarji tagħha jmorru lil hinn mill-kitba, fil-fatt hija l-fundatriċi ta’ writing.ie – l-akbar sit Ewropew ta’ riżorsi tal-kitba. Apparti minn hekk, kellha rwol ċentrali fit-trawwim ta’ talent ġdid u fl-organizzazzjoni tal-International Crime Writing Festival, Murder One.

Għenet fl-iżvilupp ta’ bosta inizjattivi fid-dinja tal-kitba, u b’hekk għamlet isem ma’ kittieba emerġenti, kif ukoll taħdem ma’ aġenti letterarji u pubblikaturi kemm fir-Renju Unit u anki fl-Irlanda sabiex tgħarrex għal talent ġdid. Vanessa ngħaqdet mal-Bord tal-Assoċjazzjoni ta’ Kittieba tal-Polizjesk fl-2021, u għandha rwol ewlieni fl-organizzazzjoni tax-Xahar Nazzjonali ta’ Qari Polizjesk.

Blake se tkun qed tipparteċipa fil-Festival waqt tliet attivitajiet. Fid-19 ta’ Ottubru fil-11:30am, se tmexxi s-sessjoni ‘Ispirazzjoni, Teknika, Suċċess’ dwar il-kitba kreattiva għal studenti postsekondarji li jixtiequ jitrawmu fl-elementi essenzjali tar-rakkuntar tal-istejjer, fosthom il-karatterizzazzjoni, il-post u l-plot. Sam Blake titkellem dwar kif hi tterraq tul il-proċess kreattiv tagħha, u anki tikkonsulta mal-pariri ta’ kollegi oħra f’din l-industrija – minn Jeffery Deaver sa Joanne Harris. Dan l-avveniment hu mmirat għal żgħażagħ fil-livell postsekondarju li tinteressahom il-kitba kreattiva bi kwalunkwe lingwa. Is-sessjoni hi bla ħlas, iżda tris tirreġistra għaliha minn hawnhekk.

Aktar tard dakinhar, se tmexxi masterclass jismu ‘X’inhi l-istorja tiegħek? 5 passi biex tikteb bestseller’, Blake se titkellem dwar kif tilwi l-proċess għalik sabiex toħloq l-aħjar ċans li jwasslek għas-suċċess fil-kitba. Is-sessjoni hi bla ħlas, iżda trid tirreġistra għaliha minn hawnhekk.

L-attività l-oħra tirfed il-ħsieb ewlieni tal-KNK li jibni pont bejn awturi u qarrejja lokali u internazzjonali, u fiha Blake se tkun qed tiltaqa’ ma’ Leanne Ellul f’diskussjoni mmoderata mill-aġent letterarju Simon Trewin, li huwa mistieden ieħor tal-Festival. ‘Deċiżjonijiet il-Kittieb’ se ssir fl-20 ta’ Ottubru fis-6pm, u fiha l-kelliema se jħarsu lejn l-imħabba komuni tagħhom għar-rakkuntar u l-ispirazzjoni u t-traġitt li jieħdu fi triqithom lejn il-kreazzjoni.

Ħabbieba tal-kotba minn kull banda tal-ħajja m’għandhomx jitilfu daċ-ċansijiet sabiex jiltaqgħu ma’ Sam Blake fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. L-għerf u l-esperjenza tagħha għandhom iħallu impatt fuq min jattendi.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 se jsir bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fl-MFCC, Ta’ Qali. Id-dħul huwa b’xejn. Segni s-sit tal-KNK, kif ukoll il-paġni Facebook tal-KNK u tal-Festival.

Ritratt ta’ Alice-Rose Jordan


Share Article