Żewġ kittieba – l-awtriċi Maltija ta’ kotba tat-tfal u l-poeta Leanne Ellul u l-awtriċi Irlandiża ta’ rumanzi polizjeski Sam Blake – jitkellmu dwar l-imħabba komuni tagħhom għar-rakkuntar u l-ispirazzjoni. Hija sfida sabiex kittieb isensel flimkien il-kliem eżatt u joħloq storja li ma tintesiex, u f’did-diskussjoni l-aġent letterarju Simon Trewin se jitkellem maż-żewġ kittieba dwar in-natura u l-oriġini tal-ideat, u kif dawn il-kittieba jagħtuhom il-ħajja fuq il-karta. Hemm ideat li jixirqu għal novella, oħrajn imorru mal-poeżija, u oħrajn posthom f’rumanz. Naraw kif il-kittieba jiddeċiedu triqithom f’dan l-istadju.

Vanessa Fox O’Loughlin tikteb rumanzi polizjeski taħt il-psewdonimu Sam Blake, u kellha suċċessi notevoli bir-rumanzi tagħha li waslu mal-finalisti fl-Irish Crime Novel of the Year tliet darbiet. Is-seba’ bestseller tagħha, The Mystery of Four, u r-rumanz riċenti tagħha għaż-żgħażagħ Something Terrible Happened Last Night jinsabu għall-bejgħ. Vanessa waqqfet l-akbar sit Ewropew tar-riżorsi, writing.ie, li rebbaħha wkoll premji varji, il-grupp ta’ kitba online Writers Ink, u Murder One – Il-Festival Internazzjonali tal-Irlanda tal-Kitba Polizjeska. Vanessa hija membru fil-bord tas-Soċjetà tal-Awturi, u membru tal-RSA. Għenet fl-iżvilupp ta’ bosta inizjattivi fid-dinja tal-kitba, u b’hekk għamlet isem ma’ kittieba emerġenti. Taħdem ukoll ma’ aġenti letterarji u pubblikaturi kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-Irlanda sabiex tgħarrex għal talent ġdid. Vanessa ngħaqdet mal-Bord tal-Assoċjazzjoni ta’ Kittieba tal-Polizjesk fl-2021, u għandha rwol ewlieni fl-organizzazzjoni tax-Xahar Nazzjonali ta’ Qari Polizjesk.

Leanne Ellul tikteb il-poeżija u l-proża u ppubblikat xogħol għall-adulti u għat-tfal. Ingħatat il-Premju tal-Awtriċi Emerġenti tas-sena fl-2016 mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u numru ta’ xogħlijiet minn tagħha ħadu l-Premju Terramaxka. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha, L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla, kienet ippubblikata fl-2020. L-aħħar xogħol tagħha għall-kbar, Bjuda, huwa proġett interdixxiplinarju li jdur mal-kulur abjad. Ellul tgħallem il-Malti u hija attiva f’Inizjamed u Fondazzjoni HELA, żewġ għaqdiet volontarji li għandhom fil-qalb tagħhom il-lingwa u l-kultura.