Il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ huwa konkors li jiġi organizzat kull sena mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. L-għan tal-konkors huwa li jintgħażlu, jiġu ppremjati u ppubblikati rumanzi bil-Malti miktubin apposta għaż-żgħażagħ adolexxenti; rumanzi li jesploraw id-dinja tal-adolexxenti tal-lum, b’dak kollu li din il-fażi tal-ħajja ġġib magħha. B’hekk l-organizzaturi jittamaw li bil-mod il-mod fis-suq jibdew jiżdiedu aktar kotba f’dan il-ġeneru u l-adolexxenti jsibu qari bil-Malti li jinteressahom u jimmotivahom. Permezz ta’ dan il-konkors, l-organizzaturi jaspiraw li l-manuskritti sottomessi jkunu tal-ogħla livell letterarju.

Ir-riżultati tal-edizzjoni tal-Konkors fl-2020 tħabbru f’ċerimonja preseduta mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima, nhar it-Tlieta 12 ta’ Jannar 2021 il-Youth Village tal-Aġenzija Żgħażagħ, f’Santa Venera. Ir-rebbieħ tal-Konkors, Marlon Chircop, ingħata premju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju ta’ € 2,000 għall-pubblikazzjoni tal-manuskritt rebbieħ, Mitt Elf Isem Ieħor, li se jkun qed jiġu offrut lill-awtur wara l-iffirmar ta’ ftehim ta’ pubblikazzjoni ma’ pubblikatur lokali tal-għażla tiegħu.

Waqt id-diskors tagħhom, l-organizzaturi rrimarkaw li permezz tal-Konkors jaspiraw li jippromwovu u jippremjaw xogħlijiet b’kontenut letterarju għoli. Apparti minn hekk dan il-Konkors għandu l-għan li jixħet dawl fuq il-letteratura għaż-żgħażagħ sabiex l-awturi jissottomettu rumanzi oriġinali għaż-żgħażagħ li huma ta’ natura innovattiva u mhux didattika jew moralizzanti. B’riżultat ta’ dan, iż-żgħażagħ igawdu minn żieda fin-numru disponibbli ta’ kotba mmirati għall-grupp tal-età tagħhom, li tistimulahom biex jibdew esperjenzi tal-qari ġodda u eċitanti.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb irringrazzja lill-evalwaturi indipendenti tal-Konkors 2020, Dr Josette Attard, John A. Bonello u Kevin Saliba, tax-xogħol siewi tagħhom. Il-manuskritt rebbieħ intgħażel minn fost sitt sottomisjonjiet li l-Konkors irċieva fl-2020 u li ġew evalwati skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa, u l-kwalità.

Waqt il-konferenza stampa li saret wara ċ-ċerimonja msemmija, l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ġeddew uffiċjalment il-kollaborazzjoni tagħhom u nedew l-edizzjoni tal-Konkors għas-sena 2021. Għaldaqstant, il-kittieba huma mistiedna jissottomettu manuskritti oriġinali għal udjenza żagħżugħa ta’ bejn it-13 u l-15-il sena. L-applikanti għal dan il-konkors jistgħu jissottomettu x-xogħol tagħhom individwalment, jew inkella bħala grupp. Billi l-Konkors huwa ġġudikat b’mod anonimu, ix-xogħlijiet għandhom jiġu ffirmati biss bi psewdonimu.

L-entitajiet konċernati qegħdin iħabbru li l-applikanti jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet u l-manuskritti tagħhom, bil-posta jew direttament, sat-Tnejn 6 ta’ Settembru 2021 f’nofsinhar fl-indirizz t’hawn taħt:

Aġenzija Żgħażagħ
Triq il-Kbira San Ġużepp,
Santa Venera
SVR 1013

Aktar informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal dan il-Konkors u r-regoli tal-aġġudikazzjoni jinsabu ppubblikat fuq is-siti elettroniċi tal-Aġezija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article