Il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ mhux qed jirċievi sottomissjonijiet fl-2021.

Il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ huwa konkors organizzat bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

L-għan tal-konkors huwa li jintgħażlu, jiġu ppremjati u ppubblikati rumanzi bil-Malti miktubin apposta għaż-żgħażagħ adolexxenti ta’ bejn it-13 u l-15-il sena; rumanzi li jesploraw id-dinja tal-adolexxenti tal-lum, b’dak kollu li din il-fażi tal-ħajja ġġib magħha. B’hekk l-organizzaturi jixtiequ li bil-mod il-mod fis-suq ikomplu jiżdiedu aktar kotba f’dan il-ġeneru u l-adolexxenti jsibu qari bil-Malti li jinteressahom u jimmotivahom. Permezz ta’ dan il-konkors, l-organizzaturi jaspiraw li l-manuskritti sottomessi jkunu tal-ogħla livell letterarju.

L-organizzaturi jaspiraw ukoll li jippromovu letteratura ta’ livell għoli billi jippremjaw testi ta’ kontenut letterarju għoli. Barra minn hekk ikun hemm inċentiv għall-awturi biex jissottomettu rumanzi oriġinali u innovattivi b’kontentut mhux didattiku u li ma jaljenax liż-żgħażagħ b’attidudni moralistika. B’hekk l-adoloxxenti jibdew igawdu wkoll minn letteratura miktuba speċifikament għall-etajiet u ż-żminijiet tagħhom – rumanzi li jħeġġuhom jaqraw aktar u aħjar.

Il-konkors jiġi ġġudikat b’mod anonimu minn tliet ġudikaturi maħtura mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jagħżlu li jagħżlu l-manuskritt rebbieħ skont sett ta’ erba’ kriterji stabbiliti: żvilupp tal-istorja u l-karattri, oriġinalità, lingwa u kwalità.

Min Jista’ Japplika?

L-applikanti eliġibbli jistgħu jkunu individwi jew gruppi ta’ individwi ta’ mill-inqas 20 sena.

Biex l-applikazzjoni titqies eliġibbli, l-manuskritt oriġinali sottomess m’għandu jkun ġie ppubblikat qatt qabel kemm b’mod sħiħ u anki parzjalment..

L-applikanti huma mħeġġa jaqraw il-linji gwida bir-reqqa qabel ma japplikaw.

Premji

L-awtur tal-manuskritt rebbieħ jirċievi:

– Trofew u ċertifikat kommemorattiv

– Premju ta’ €1,000

– Fondi għall-pubblikazzjoni tar-rumanz ma’ pubblikatur lokali tal-għażla tal-awtur

Kif Tipparteċipa

L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu 4 kopji ta’ manuskritt oriġinali bil-Malti ta’ bejn 20,000 u 25,000 kelma ffirmati biss minn psewdonimu, formola tal-applikazzjoni ffirmata, kopja tal-ID, u sinopsi ta’ mill-inqas 500 kelma.

Il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ mhux qed jirċievi sottomissjonijiet fl-2021.

Dokumenti

Formola tal-Applikazzjoni

Linji Gwida u Kriterji