close ups 9

Il-Fond Malti tal-Ktieb huwa inizjattiva mnedija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex irawwem tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-kotba.. Din l-inizjattiva hija parti mill-viżjoni tal-Kunsill li jkollu rwol ta’ aġent kulturali fis-soċjetà. Dan ifisser li l-Kunsill isir kontributur proattiv u progressiv fl-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà. Ammonti żgħar ta’ flus jistgħu jagħmlu differenza kbira meta jintefqu fuq proġetti ta’ pubblikazzjoni f’suq żgħir, iżda b’saħħtu, bħal ma hu is-suq tal-ktieb Malti, speċjalment għal dawk il-proġetti bil-Malti li jkollhom sinjifikanza lokali u kulturali.

Il-KNK, fit-tentattiv tiegħu biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ġenerali tal-industrija tal-kotba Maltija, jistinka biex iwieżen lill-awturi, it-tradutturi u l-pubblikaturi billi jiffinanzja proġetti bħala strateġija biex iqawwi l-kunfidenza ta’ dawn ħalli jidħlu għal proġetti u inizjattivi ġodda u jinkuraġġihom biex ma jwarrbux dal-proġetti minħabba restrizzjonijiet ekonomiċi biss.

L-għan ewlieni tal-fond huwa li jissussidja pubblikazzjonijiet ta’ kwalità li għandhom valur kulturali, edukattivi u intellettwali għoli imma li, fil-kuntest tas-suq lokali, mhumiex meqjusa bħala kummerċjalment vijabbli u allura ma jiġux ippubblikati. Minn dis-sena l-fond jinkludi fih l-Għotjiet għat-Traduzzjoni li jilqgħu applikazzjonijiet għat-traduzzjoni ta’ kotba Maltin f’ilsna oħra, jew it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet minn kwalunkwe lingwa għal dik Maltija..

Kull għotja tal-Fond Malti tal-Ktieb issegwi d-direzzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba. L-għotjiet jingħataw lil applikanti li jgħaddu minn fażi kompetittiva tal-aġġudikazzjoni b’suċċess.

L-għotjiet jingħataw wara proċess rigoruż ta’ evalwazjoni mill-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb, li jasssigura li l-flus imorru għand dawk l-applikanti li jitqiesu li għandhom il-mezzi neċessarji biex jagħmlu l-aħjar użu minnhom.

Il-Fond Malti tal-Ktieb fl-2021 huwa ta’ €105,000. Kull għotja tista’ tkun iffinanzjata sa 100% tal-proġett propost, jew sa massimu ta’ €5,000. 

Għotjiet għall-Pubblikazzjoni

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni għandhom l-għan li jwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ letteratura u/jew xogħlijiet ta’ riċerka ta’ kwalità.

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjonijiet se jkunu miftuħa għal xogħlijiet ta’ finzjoni, letteratura mhux fittizja u xogħlijiet ta’ riċerka akkademika. Tingħata preferenza lil proġetti ambizzjużi li jkollhom valur kulturali għoli u relevanza għas-suq lokali mmirat, u partikularment jekk jaffaċċjaw sfidi ta’ vijabbiltà kummerċjali. Il-fondi jwieżnu applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ finzjoni, fosthom rumanzi, poeżiji, drammi, bijografiji, letteratura mhux fittizja jew rumanzi grafiċi, u anki kotba akkademiċi li jinkludu monografi, ġabriet editjati jew edizzjonijiet kritiċi. Kotba li jkun fihom biss xbihat jew tal-fotografija ma jgħoddux.

Għotjiet għall-Pubblikazzjoni – linji-gwida u regolamenti.

Għotjiet għat-Traduzzjoni

L-għan tal-Għotjiet għat-Traduzzjoni huwa li tiżdied il-viżibbiltà internazzjonali tax-xogħol kreattiv u l-kitba akkademika Maltija u li jkun ta’ sapport għat-tradutturi Maltin li jixtiequ jagħtu aċċess lill-pubbliku li jaqra bil-Malti għal xogħlijiet letterarji internazzjonali.

L-Għotjiet għat-Traduzzjoni jinqasmu f’żewġ kategoriji: 

Kategorija 1 – Traduzzjoni ta’ kotba Maltin

Dil-kategorija tista’ tiffinanzja applikazzjonijiet għal proġetti ta’ traduzzjoni ta’ xogħlijiet Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż f’Malta, u li jkollhom ISBN Malti) f’kull ilsien ieħor, b’allokazzjoni baġitarja totali ta’ €40,000..

Kategorija 2 – Traduzzjonijiet għall-Malti

Dil-kategorija tista’ tiffinanzja applikazzjonijiet għal proġetti ta’ traduzzjoni ta’ xogħlijiet fil-Malti li oriġinarjament kienu ppubblikati f’kull lingwa oħra. L-allokazzjoni baġitarja totali hi ta’ €15,000..

Iż-żewġ kategoriji jirrigwardjaw it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ letteratura (finzjoni, poeżija, drammi, bijografiji, letteratura mhux fittizja u rumanzi grafiċi) u xogħolijiet ta’ riċerka.

Għotjiet għat-Traduzzjoni – Linji-gwida u Regolamenti

Kif tapplika

L-applianti interessati mħeġġa jaqraw bir-reqqa l-linji-gwida u r-regoli tal-għotjiet rispettivi biex jiksbu informazzjoni dwar eliġibbiltà u l-proċess tal-evalwazzjoni qabel ma japplikaw.

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19, l-applikazzjonijiet tal-Fond Malti tal-Ktieb iridu jiġu printjati, ififrmati, skennjati u mibgħuta b’imejl lil michael.mercieca@gov.mt b’dat-titlu: Il-Fond Malti tal-Ktieb 2020 – applikazzjoni [U ISEM L-APPLIKANT].

L-applikazzjoni stampata u ffirmata trid imbagħad tintbagħat bil-posta lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’dan l-indirizz:

Il-Fond Malti tal-Ktieb 2020 – il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb,
L-ewwel sular, il-Librerija Ċentrali Pubblika,
Triq Prof. Joseph J. Mangion,
Il-Furjana, FRN1800


L-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-Fond Malti tal-Ktieb 2020

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għalqet it-Tlieta 30 ta’ Ġunju 2020 f’nofsinhar..

X’jiġri wara li tissottometti l-applikazzjoni tiegħek?


It-tħabbir tar-riżultati 

L-ordni tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi titħabbar sa 4 ġimgħat wara l-għeluq tas-sottomissjonijiet.

L-implimentazzjoni tal-proġett

Jekk l-applikazzjoni tiegħek tkun approvata u tingħata l-fondi, tintalab tiffirma kuntratt li jispeċifika l-kundizzjonijiet tal-fond, u tirċievi 50% tal-fondi li ġew allokati għall-proġett. Meta jitlesta l-proġett il-bqija tas-somma tingħata meta l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb japprova r-rapport finali, is-sottomissjoni ta’ żewġ kopji tal-pubblikazzjoni, u s-sottomissjoni tal-fatturi u l-irċevuti finali.

Ikkuntatjana

Jekk għandek xi diffikultà jew xi mistoqsijiet dwar il-fond, ibgħat imejl fuq simona.cassano@ktieb.org.mt.Tista’ anki ċċempel fuq +356 99968511 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-09:00hrs u l-16:00hrs.

 

Is-sejħa għas-sottomissjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2024 se tkun miftuħa mis-26 ta’ Marzu sal-24 ta’ Mejju. Ir-riżultati jitħabbru fit-23 ta’ Lulju 2024.

Il-Fond Malti tal-Ktieb huwa inizjattiva mnedija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK)) biex irawwem tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-kotba. Din l-inizjattiva hija parti mill-missjoni tal-KNK biex ikollna rwol ewlieni bħala aġenti kulturali, u allura nkunu kontributur proattiv u progressiv għall-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà. Il-fondi jistgħu jagħmlu differenza sostanzjali għal proġetti ta’ pubblikazzjoni mmirati għas-suq tal-kotba żgħir imma b’saħħtu li għandna Malta, speċjalment għal dawk il-proġetti bil-Malti li jkollhom sinifikanza lokali u kulturali.

Fit-tentattiv tiegħu biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ġenerali tal-industrija tal-kotba Maltija, il-KNK jistinka biex iwieżen lill-awturi, it-tradutturi u l-pubblikaturi billi jiffinanzja proġetti bħala strateġija biex iqawwi l-kunfidenza ta’ dawn ħalli jidħlu għal proġetti u inizjattivi ġodda u jinkuraġġihom biex ma jwarrbux dal-proġetti minħabba restrizzjonijiet ekonomiċi biss.

L-għan ewlieni tal-fond, bis-saħħa tal-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni, huwa li jissussidja pubblikazzjonijiet ta’ kwalità li għandhom valur kulturali, edukattiv u intellettwali għoli imma li, fil-kuntest tas-suq lokali, mhumiex meqjusa bħala kummerċjalment vijabbli u allura ma jiġux ippubblikati. Il-Fond Malti tal-Ktieb ifittex ukoll, bis-saħħa tal-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni, li jkabbar il-viżibbiltà internazzjonali tal-kotba u l-letteratura Maltija.

Il-baġit tal-Fond Malti tal-Ktieb 2024 huwa ta’ €120,000.

Il-Fond Malti tal-Ktieb 2024 qed jilqa’ applikazzjonijiet f’dawn il-ħames fergħat:
i)   Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda;

ii)  Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa;

iii) Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni ta’ kotba minn awturi Maltin

iv) Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 2: Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch.

v) Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti

Kull għotja tista’ tkun iffinanzjata sa 100% tal-proġett propost, jew sa massimu ta’ €5,000, minbarra l-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch li jistgħu jirċievi sa massimu ta’ €500 allokat għal kull proġett rebbieħ. L-għotjiet jingħataw wara proċess rigoruż ta’ evalwazjoni mill-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb, li jasssigura li l-flus imorru għand dawk l-applikanti li jitqiesu li għandhom il-mezzi neċessarji biex jagħmlu l-aħjar użu minnhom.

Ir-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2023

Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda

 

Is-somma annwali allokata għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda hija ta’ €50,000. L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda għandhom l-għan li jwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ letteratura u/jew xogħlijiet ta’ riċerka ta’ kwalità.

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjonijiet ta’ Kotba Ġodda se jkunu miftuħa għal xogħlijiet ta’ finzjoni, letteratura mhux fittizja u xogħlijiet ta’ riċerka akkademika. Tingħata preferenza lil proġetti ambizzjużi li jkollhom valur kulturali għoli u relevanza għas-suq lokali mmirat, u partikularment jekk jaffaċċjaw sfidi ta’ vijabbiltà kummerċjali. Il-fondi jwieżnu applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ finzjoni, fosthom rumanzi, poeżiji, drammi, bijografiji, letteratura mhux fittizja jew rumanzi grafiċi, u anki kotba akkademiċi li jinkludu monografi, ġabriet editjati jew edizzjonijiet kritiċi.

Għotjiet għal Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa

 

Is-somma annwali allokata għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda hija ta’ €10,000. L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb jiffurmaw parti mill-istrateġija tal-KNK biex jinkuraġixxi l-pubblikazzjoni ta’ kotba fis-suq lokali billi jissussidja l-pubblikazzjoni ta’ kotba tal-Melitensia. Dil-fergħa timmira li tnaqqas jew telimina d-defiċit li jeżisti bejn il-ħtieġa li jinqraw il-klassiċi u kotba ta’ importanza kulturali, edukattiva u intellettwali konsiderevoli u n-nuqqas tagħhom mill-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba f’Malta. Għalhekk dal-fond jissussidja speċifikament dawn it-tip ta’ kotba li llum m’għadekx issibhom mitbugħa. 

Dawn il-fondi jwieżnu applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ edizzjonijiet ġodda ta’ kotba li ilhom 20 sena jew aktar mill-Fond inkwistjoni mhux fl-istampa. L-applikanti jistgħu japplikaw għal dawn it-tipi ta’ kotba mhux fl-istampa, li sintendi jkollhom ISBN Malti: letteratura (finzjoni, poeżija, drammi, bijografiji, letteratura mhux fittizja u rumanzi grafiċi); xogħol ta’ riċerka, li jinkludu kotba akkademiċi (monografi, ġabriet editjati, edizzjonijiet kritiċi, katalgi rriċerkati ta’ eżebizzjoni li jkunu jinkludu materjal analitiku frott ir-riċerka).

Barra minn hekk, u f’kuntrast ma’ ristampa normali ta’ ktieb, edizzjoni ġdida jrid ikollha minn tal-inqas karatteristika waħda minn dawn:

– bidliet sostanzjali fil-format jew fil-legatura;
– bidliet sostanzjali ta’ mill-inqas 25% mill-kontenut oriġinali jew minn tal-inqas 10% tal-kontenut ġdid;
– bidliet sostanzjali fl-illustrazzjonijiet, barra mill-qoxra.

Fl-edizzjoni l-ġdida jrid ikun hemm aktar minn 50% tal-kontenut meħud mill-edizzjoni preċedenti. Huwa kruċjali li d-detentur tad-drittijiet tal-edizzjoni preċedenti jkun identifikat u jitgħarraf bil-proġett.

Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni

L-għan tal-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin huwa li tiżdied il-viżibbiltà internazzjonali tax-xogħol kreattiv u l-kitba akkademika Maltija u li jkun ta’ appoġġ għat-tradutturi Maltin li jixtiequ jagħtu aċċess lill-pubbliku li jaqra bil-Malti għal xogħlijiet letterarji internazzjonali.

L-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni jinqasmu f’żewġ kategoriji.

Il-pubblikaturi interessati f’kotba minn Malta huma mistiedna jikkonsultaw il-katalgu tad-drittijiet barranin tal-2024 Literature from Malta

Kategorija 1
Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ kotba minn awturi Maltin

Dil-kategorija tista’ tiffinanzja applikazzjonijiet għal proġetti ta’ traduzzjoni ta’ xogħlijiet Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż f’Malta, u li jkollhom ISBN Malti) f’kull ilsien ieħor, b’allokazzjoni baġitarja totali ta’ €40,000.

– Il-pubblikazzjoni ta’ proġetti ta’ traduzzjoni ta’ xogħlijiet Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż f’Malta u b’ISBN Malti) f’lingwi oħra.

– Il-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet Maltin bl-Ingliż (li jkollhom ISBN Malti) f’territorji ġodda fejn jitkellmu l-Ingliż u fejn ġeneralment ma jkunx hemm bżonn traduzzjoni mill-bidu sal-aħħar (se jinbiegħu d-drittijiet).

– Antoloġiji li jkollhom xogħol oriġinali fittizju jew mhux fittiżju minn awtur Malti jew aktar

Kategorija 2
Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch

L-inizjattiva twieżen lil tradutturi letterarji fl-iżvilupp tagħhom bħala promoturi tal-letteratura internazzjonali billi tgħinhom jużaw siltiet tradotti sabiex jattiraw lill-pubblikaturi, b’baġit annwali ta’ €5,000 u fond massimu ta’€500 għall-proġetti rebbieħa

Dil-fergħa twieżen dal-proġetti ta’ traduzzjoni:

– xogħlijiet Maltin ippubblikati f’Malta bil-Malti jew bl-Ingliż fi kwalunkwe lingwa oħra;

– xogħlijiet oriġinarjament ippublikati fi kwalunkwe lingwa oħra, lejn il-Malti;

– xogħlijiet oriġinarjament ippubblikati fi kwalunkwe lingwa oħra bil-ħsieb li s-silta tradotta tintuża bħala traduzzjoni pont bl-Ingliż.

Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti

L-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti tal-Fond Malti tal-Ktieb iwieżnu lil dawk il-pubblikaturi u tradutturi Maltin sabiex jippubblikaw it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u akkademiċi internazzjonali fil-lingwa Maltija, u b’hekk iwessgħu l-firxa ta’ kotba disponibbli bil-Malti u jagħnu lix-xena letterarja lokali.

L-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti qegħdin sabiex ikunu tradotti u ppubblikati xogħlijiet oriġinarjament ippubblikati b’lingwa oħra, b’baġit annwali ta’ €15,000.

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet tagħlaq nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju f’nofsinhar.

Kif tapplika

 

L-applikanti interessati mħeġġa jaqraw bir-reqqa l-Linji Gwida u Regoli tal-għotjiet rispettivi biex jiksbu informazzjoni dwar eliġibbiltà u l-proċess tal-evalwazzjoni qabel ma japplikaw.

 

L-applikazzjonijiet tal-Fond Malti tal-Ktieb iridu jiġu stampati, iffirmati, skennjati u mibgħuta b’imejl lil michael.mercieca@gov.mt b’dat-titlu: Il-Fond Malti tal-Ktieb 2023 – applikazzjoni [U ISEM L-APPLIKANT].

 

Erba’ kopji ipprintjati u ffirmati tal-applikazzjoni kompluta (li tinkludi d-dokumenti meħtieġa kollha), għandhom xorta jintbagħtu bil-posta lill-uffiċini tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb mhux aktar tard mid-data tal-għeluq speċifikata (id-data tat-timbru tal-posta sservi bħala prova)

 

Il-Fond Malti tal-Ktieb – il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Bice Mizzi Vassallo Complex

Arnhem Road

Pembroke PBK177

Ikkuntatjana

Jekk għandek xi diffikultà jew xi mistoqsijiet dwar il-fond, ibgħat email fuq matthew.borg@ktieb.org.mt
Tista’ anki ċċempel fuq +356 27131574 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-09:00 u l-16:00.

X’jiġri wara li tissottometti l-applikazzjoni tiegħek?

 

It-tħabbir tar-riżultati
L-ordni tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi titħabbar sa sitt ġimgħat wara l-għeluq tas-sottomissjonijiet.

 

L-implimentazzjoni tal-proġett
Jekk l-applikazzjoni tiegħek tkun approvata u tingħata l-fondi, tintalab tiffirma kuntratt li jispeċifika l-kundizzjonijiet tal-fond, u tirċievi 50% tal-fondi li ġew allokati għall-proġett. Meta jitlesta l-proġett il-bqija tas-somma tingħata meta l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb japprova r-rapport finali, is-sottomissjoni ta’ żewġ kopji tal-pubblikazzjoni, u s-sottomissjoni tal-fatturi u l-irċevuti finali.