Jon Mallia jmexxi diskussjoni madwar il-mejda mal-kittieba prominenti Trevor Żahra, Lon Kirkop, Aleks Farrugia, Nadia Mifsud u Loranne Vella. Id-diskussjoni se tfannad fil-personalitajiet u l-karrieri ta’ dal-kittieba, u anki fuq kif dawn iħarsu lejhom infushom fl-isfera letterarja Maltija li kulma jmur tinbidel. Jon se jagħmel mistoqsijiet provokanti sabiex flimkien ma’ dal-kittieba rebbieħa ta’ bosta premji jaraw fil-ġejjieni tal-kotba f’Malta u kif dan l-iżvilupp jista’ jkun influwenzat.

 

Trevor Żahra twieled iż-Żejtun fl-1947. L-ewwel avventura għat-tfal li kiteb, Il-Pulena tad-Deheb (Merlin Publishers), ġiet ippubblikata fl-1971. Minn dakinhar ’l hawn kompla jikteb u jippubblika kull sena, u llum, bejn kotba għat-tfal, rumanzi u novelli għall-kbar, huwa ppubblika ’l fuq minn 130 ktieb. Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb diversi drabi, kemm għas-sezzjoni tal-kotba għat-tfal kif ukoll kotba għall-adulti. Fl-2004, irċieva l-Medalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent tal-kontribut tiegħu fil-qasam tal-letteratura għat-tfal.

 

Lon Kirkop huwa artist u printmaker Malti, imma l-forma t’arti favorita tiegħu hi l-kitba. Huwa wkoll involut fit-teatru u jaħtaf kull opportunità li jidderiġi d-drammi tiegħu stess. Meta ma jkunx qed joħloq xi biċċa arti jew jikteb, lil Lon issibu jaqra, jara l-videos fuq YouTube u jiddiskuti l-ideat tiegħu miegħu nnifsu fuq tazza jew tnejn inbid aħmar.

 

Aleks Farrugia huwa awtur, edukatur u kummentatur politiku. Ir-rumanz soċjo-realistiku u satiriku tiegħu Ir-Re Borg (SKS) ġie ppublikat fl-2022. Il-ġabra ta’ novelli Għall-Glorja tal-Patrija! (SKS, 2019) rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2020. It-traduzzjoni Ingliża ta’ din il-ġabra, Capricious Tales from Malta (SKS), ġiet ippubblikata fl-2023. 

 

Nadia Mifsud hija poeta, rumanziera u traduttriċi lettararja. Il-ġabriet ta’ poeżiji tagħha Kantuniera ’l Bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015) u Varjazzjonijiet tas-Skiet (Ede Books, 2021) rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2016 u fl-2022 rispettivament. Fl-2023, Mifsud ingħatat t-titlu prestiġjuż ta’ Poeta Lawreat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. 

 

Loranne Vella hija l-awtur tar-rumanzi Marta Marta (Ede Books, 2022), Rokit (Merlin Publishers, 2018) u Magna Mater (Merlin Publishers, 2011), il-ġabra ta’ stejjer qosra mill-bieb ’il ġewwa (Ede Books, 2019), kif ukoll tat-Triloġija tal-Fiddien (Merlin Publishers ) ma’ Simon Bartolo. Hija rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb diversi drabi, l-aktar riċenti għal Rokit fl-2018. Vella hija wkoll koeditur tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso.