Dwar il-Fond għall-Adattament Ċinematografiku 2019

Il-KNK qed jirċievi applikazzjonijiet għall-Fond għall-Adattament Ċinematografiku.

L-għan tal-Fond huwa li jkompli jippromwovi x-xogħlijiet letterarji Maltin billi jappoġġja l-produzzjoni ta’ adattament ċinematografiku ta’ rumanz rebbieħ, jew finalist, tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-fond jindirizza l-istadji kollha tal-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ proġett rebbieħ wieħed, b’allokazzjoni finanzjarja massima ta’ € 200,000. Il-fond jingħata skont id-deċiżjoni ta’ bord ta’ aġġudikanti indipendenti. L-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet fetħet f’Lulju 2019.

Min jista’ japplika?

Il-KNK qed jilqa’ applikazzjonijiet minn kumpaniji ta’ produzzjonijiet awdjoviżivi b’esperjenza f’diversi forom ta’ produzzjoni tal-films. Kumpaniji tal-produzzjoni awdjoviżivi li japplikaw għall-Fond għandhom ikunu rreġistrati bħala tali f’Malta jew fl-Ewropa, u tal-inqas waħda mill-produtturi, il-kittieba, jew id-diretturi għandhom ikunu ċittadini Maltin jew għandhom status ta’ residenza permanenti f’Malta.

L-applikanti interessati li jadattaw rumanz rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb irid ikollhom id-drittijiet li jadattaw ir-rumanz, jipproduċu u jidistribwixxu l-film, bi ftehim ta’ għażla mal-awtur jew min għandu d-drittijiet ta’ l-awtur għal perjodu minimu ta’ 30 xahar, qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.

 

Regolamenti

Il- KNK se jikkunsidra biss applikazzjonijiet għal adattamenti f’films (80 minuta jew iktar) ta’ xogħlijiet rebbieħa jew finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-Kategorija tar-Rumanz, minn kemm ilu li beda l-Premju (jiġifieri mill-edizzjoni tal-1971).

L-applikazzjonijiet jiġu riveduti għall-eliġibilità qabel ma jiġu mgħoddija lil bord indipendenti tal-aġġudikatura li jiddeċidi fuq lista ta’ applikanti finalisti. Dawn se jkunu mistiedna jippreżentaw il-proġett propost tagħhom f’Ottubru 2019, wara li l-bord tal-aġġudikatura jagħżel proġett wieħed biex jingħata l-fond tal-produzzjoni. Il-benefiċjarju se jkun meħtieġ li jidħol fi ftehim kuntrattwali mal-KNK sa Diċembru 2019, u mistenni li jgħaddi verżjoni finali tal-film lill-KNK fl-2021.

Ir-Regolamenti kollha u l-Kriterji tal-valutazzjoni jinsabu miġbura fil-Linji Gwida għall-applikanti.

Dati ewlenin

Kif tapplika

Applika billi tissottometti 4 kopji stampati tal-Formola tal-Applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa l-oħra lil Michael Mercieca sad-29 ta’ Settembru 2019, bil-posta jew personalment fuq dan l-indirizz: Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Pubblika Ċentrali, Triq Joseph Mangion, il-Furjana, FRN 1800.

Il-Linji Gwida fihom informazzjoni biex tiggwidak bl-applikazzjoni tiegħek, inklużi r-Regolamenti Ġenerali u l-Kriterji ta’ valutazzjoni. Jekk jogħġbok kun żgur li taqrahom b’attenzjoni, inklużi l-Annessi kollha.

Ikkuntattjana

Jekk għandek xi dubji dwar l-eliġibilità jew il-mili tal-applikazzjoni tiegħek, nirrakkomandawlek li tikkuntattjana qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek.

Għal aktar informazzjoni jew kjarifiki tista’ tibgħat email lill-amministraturi tal-KNK jew ċempel fuq 0035627131574.