Tnedija tal-ktieb The First Maltese: How it all Began in Gozo, ippreżentata minn Dr Veronica Veen.

Wara aktar minn 30 sena mis-sejbiet neolitiċi ta’ Għar Dalam li saru f’Taċ-Ċawla, Għawdex, li biddlu radikalment kif naħsbuha, dan il-ktieb ġdid komprensiv se jenfasizza r-rwol ewlieni li Għawdex kellu fl-ewwel immigrazzjonijiet madwar 5800 sena Q.K., perjodu li kien diġa stabbilit mill-awtur fl-1993.

Il-gżira bilfors li kienet f’salib it-toroq ta’ multikulturalità, bin-nies li għażlu li jgħixu fiha jivvjaġġaw minn u lejn diversità ta’ sferi kulturali: il-kosta fin-Nofsinhar u Lvant ta’ Sqallija, in-Nofsinhar tal-Italja u anki l-Adrijatiku. Dan kollu msejjes fuq l-istħarriġ ta’ Dr  Adrian van der Blom. F’dan il-ktieb qed jiġi propost ukoll perjodizzazzjoni ġdida għaż-żminijiet bikrin Neoltiċi ta’ Malta, li jinvolvi wkoll il-fażi ta’ Skorba.

Dan is-suġġett deher diġà fl-ewwel ktieb tagħna (1992), li jdur madwar Taċ-Ċawla u nkiteb ukoll biex isalva s-sit, waqt li rrifjutajna il-preġudizzji persistenti li għadhom għaddejjin sal-lum bħal wasliet “aċċidentali fuq iċ-ċatri”, “għajxien fl-għerien”, u li kienu “primittivi” ħafna.

Kuntrarju ta’ dan, il-fuħħar mill-isbaħ u sofistikat tagħhom jesprimi ħarsa ħolistika dwar kif taħdem in-natura. Dan kollu nstab minn Dr Veronica Veen permezz ta’ simboliżmu antropoloġiku; messaġġ xejn superfluwu waqt din il-kriżi ekoloġika preżenti. Barra minn hekk, din il-lingwa permezz tas-simboli tirrappreżentalna l-ewwel arti tan-nisa f’Malta.