Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2019. Bħal dejjem, l-applikazzjonijiet huma għal kotba ppubblikati s-sena ta’ qabel. Il-kotba jridu jkun pubblikazzjonijiet lokali li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji taż-żewġ premji msemmija.

Il-premji jingħataw lil dawk l-awturi ta’ pubblikazzjonijiet li jiġu ġġudikati bħala prodotti ta’ valur letterarju u kulturali għoli, dejjem skont il-kriterji assoċjati mal-kategorija.

Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sat-Tlieta, 16 ta’ April 2019 f’nofsinhar, bl-applikazzjoni kompluta u erba’ kopji tal-ktieb jew kotba sottomessi. Huwa importanti li l-applikant jindika l-kategorija t-tajba għal kull sottomissjoni.

Hemm b’kollox tmien kategoriji fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti: Rumanzi, Novelli, Poeżiji, Drama, Letteratura mhux fittiva, Traduzzjoni, Riċerka Ġenerali, u Riċerka Bijografika u Storjografika. Imbagħad hemm sitt kategoriji fil-Premju Terramaxka għat-Tfal u l-Adoloxxenti: tliet kategoriji ta’ xogħlijiet oriġinali għat-tfal u l-adoloxxenti skont l-età, u tliet kategoriji oħra ta’ kotba għat-tfal u l-adoloxxenti skont l-età (0–7, 8–12 and 13–16), did-darba għal xogħlijiet maqlubin għall-Malti.

Kif wieħed jista’ jinduna dis-sena żdiedet kategorija oħra fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb: il-Letteratura mhux Fittizja. Din it-tip ta’ letteratura hija proża li tingaġġa tekniċi letterarji li normalment ikunu assoċjati mal-poeżija jew il-letteratura, u ġeneralment tirrakkonta dwar persuni, postijiet jew avvenimenti fid-dinja reali. Il-ġeneru tal-letteratura mhux fittiva jinkludi kitba dwar is-safar, in-natura, ix-xjenza, l-isports, u ġeneri oħra bħall-bijografija, l-awtobijografija, il-memoirs, l-intervista, u l-esej.

Bidla sinjifikanti oħra hi fil-premjijiet mogħtija. Fil-kategoriji kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka (tneħħi l-kategoriji tat-traduzzjonijiet fil-Premju Terramaxka), l-ammont tela’ minn €1,000 għal €4,000. Il-kategoriji tat-traduzzjonijiet fil-Premju Terramaxka se jirċievu ħlas ta’ €2,000, jiġifieri elf ewro aktar mis-sena ta’ qabel.

Anki premju ieħor, jiġifieri l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti, se jitla’ minn €2,000 għal €4,000.

Iddaħħal ukoll rikonoxximent ieħor ma’ dak għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti: il-Premju Poeta Lawreat. Dan il-premju jingħata lir-rebbieħ fil-kategorija tal-poeżija fil-PNK jekk dan ikun diġà rebaħ premju jew ieħor fil-PNK fil-passat. Ir-rebbieħ jingħata t-titlu ta’ Poeta Lawreat u s-somma ta’ €4,000 maqsumin f’erba’ ħlasijiet indaqs kull sena. Il-poeta jkun marbut li jikteb ammont sostanzjali ta’ poeżija li jkun ippubblikat f’ġabra waħda.

Kull kategorija jista’ jkollha rebbieħ, u ma jistgħux jingħataw aktar minn premju wieħed f’kull kategorija. Jista’ jagħti l-każ li l-ebda rebbieħ ma jintgħażel għal kategorija partikolari jekk il-livell meħtieġ ma jintlaħaqx minn l-ebda xogħol finalist f’dik il-kategorija.

Bord indipendenti, maħtur speċifikament u unikament għall-fini li jiddeċiedi l-premji, jevalwa s-sottomissjonijiet skont sett ta’ kriterji. Kemm il-kriterji kif ukoll l-applikazzjonijiet u r-regolamenti jistgħu jitniżżlu mill-paġna tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fuq dan is-sit.

L-applikazzjonijiet, flimkien ma’ erba’ kopji tal-kotba sottomessi, għandhom jintbagħtu bil-posta jew jitwasslu bl-idejn lis-Sur Michael Mercieca mhux aktar tard minn nofsinhar tat-Tlieta, 16 t’April 2019, fl-indirizz li ġej:

Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

c / o Librerija Pubblika Ċentrali

Il-Professur Joseph J. Mangion Street

il-Furjana FRN 1800

 


    Share Article