Kittieba ġodda jew aspiranti u qarrejja minn kull banda tal-ħajja se jkollhom fejn jgħumu fl-esperjenzi differenti li se jwassal il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb dis-sena, bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru fl-MFCC.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed ifittex li jsaħħaħ lil awturi, edituri, tradutturi u illustraturi ġodda jew stabbiliti billi jagħtihom l-opportunità jirfinaw u jillimaw is-sengħa professjonali tagħhom, kif ukoll jiffamiljarizzaw ruħhom mal-industrija tal-kotba bis-saħħa ta’ workshops u attivitajiet waqt il-Festival ma’ mistiedna lokali u internazzjonali ta’ kalibru.

Ngħidu aħna s-sessjoni ‘X’inhi l-Istorja tiegħek: 5 passi biex tikteb bestseller’ il-Ħamis 19 t’Ottubru, li se titmexxa mill-kittieba famuża Irlandiża Sam Blake, li tikteb il-polizjesk. Blake laħqet diġà qċaċet tal-bejgħ bi wħud mill-kotna tagħha, u se tkun qed taqsam l-ideat tagħha dwar kif minn ispirazzjoni u idea tasal għal storja dinamika li ssib postha mal-qarrejja fis-suq tal-kotba. Aktar kmieni dakinhar, Blake se tmexxi session oħra mmirata għal studenti tal-postsekondarja, jisimha Ispirazzjoni, Teknika, Suċċess’ li se tħeġġeġ kittieba aspiranti sabiex joħolqu karattri li ma tinsihomx, ambjenti li jżommuk u plotts li jsammruk. Se tkun qed tagħmel dan billi ttella’ mill-bir tal-esperjenza tagħha kif ukoll minn dak li tgħallmet mingħand fanali mill-industrija tal-kotba, bħal Jeffrey Deaver u Joanne Harris.

Dis-sena qed nilqgħu mill-ġdid lill-aġent letterarju mir-Renju Unit, Simon Trewin, li se jmexxi masterclass jismu ‘Id-dinja tal-pubblikazzjoni – it-triq lejn is-suq’ nhar is-Sibt 21 t’Ottubru. Trewin se jkun qed jistrieħ fuq esperjenza ta’ 30 sena fl-industrija sabiex jixħet dawl fuq il-vjaġġ ta’ ktieb mill-ewwel ħasba dwaru sal-pubblikazzjoni.

Dakinhar ukoll, Charlie Castelletti, li huwa editur tal-kotba tat-tfal ma’ Macmillan, se jidderieġi l-masterclass ‘Il-Kitba għat-Tfal u ż-Żgħażagħ’. Castelletti se jkun qed jitkellem dwar l-isfumaturi varji tal-letterarura għat-tfal u żgħażagħ ta’ etajiet differenti, dak li jżommhom jaqraw, u r-riċetti wara kotba bestsellers għal dal-qarrejja.

  • ``My name is Charlie Castelletti and I'm an author of picture books for young kids, as well as novels for adults.
  • I'm also an Editor at Pan Macmillan, where I work on middle grade and young adult fiction for children ages 6-18 and crossover.
  • My workshop aims to demystify the publishing process.
  • I'll be taking you through the step by step process of how you get from an initial idea of writing a children's book to being published through a trade publisher.
  • I'll also be talking about tropes and story hooks, and how to think about all this in your writing process.
  • I hope you will come out of this workshop feeling confident in knowing how to move forward on your writing journey.
  • I'm also having a launch event for my upcoming adult novel, The Manor House Governess, in conversation with Charlie Cauchi. Here I'll be discussing my writing process, my publication journey, and the book itself. There will be copies available for sale and for signing.``

Kat Storace u Jen Calleja se jmexxu flimkien workshop tal-editjar li għandu servi ta’ gwida sabiex dak li jkun ikun kapaċi jeditja xogħlu jew xogħol ħaddieħor, li jinkludi wkoll l-editjar ta’ letteratura tradotta. Kat u Jen huma l-fundaturi tad-dar tal-pubblikazzjoni żgħira Prosper Press, li hija bbażata f’Londra u tippubblika xogħol Malti bl-Ingliż. Huma se jkunu qed jibnu dal-pont bejn l-orizzont letterarju internazzjonali u l-professjonisti lokali, anki għaliex bħala pubblikaturi f’xogħolhom jgħarrxu u jimmaniġġjaw l-aspettazzjonijiet tal-imsieħba lokali.

Din l-edizzjoni ma kinitx tkun tiswa’ tebaq fwiedha fuq il-wegħda li tipprovdi esperjenza multisensorjali li tmur lil hinn minn #kitbakotbauaktar, li kieku l-KNK ma tenniex il-kollaborazzjoni tiegħu mal-Kunsill Malti għall-Arti. L-esebizzjoni From Illustration to Book se terġa’ tkun magħna, u did-darba biż-żieda ta’ Mural Interattiv li se jlaqqa’ membri mill-Malta Community of Illustrators biex joħolqu dan il-mural dak il-ħin.

Dawn l-attivitajiet flimkien jagħtuna ħarsa unika lejn iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ xogħol letterarju, mill-ewwel passi tal-idea wara storja, sal-kitba tal-manuskritt u l-markitjar tiegħu, u finalment għall-proċess tal-editjar qabel ma l-ktieb jiffaċċja l-isfidi fl-industrija lokali jew internazzjonali. Fl-istess ħin, dawn l-attivitajiet iqanqlu lill-pubbliku japprezza l-kontribuzzjoni tal-artisti u l-illustraturi waqt dal-proċess kollu.

Id-dħul għall-attivitajiet kollha fil-programm tal-Festival huwa b’xejn, iżda hemm uħud li trid tirreġistra online għalihom, fosthom dawn li ssemmew hawnhekk. Jekk interessat tipparteċipa, irreġistra mill-ħolqa tal-attività stess mis-sit tal-KNK jew mill-paġna Facebook tiegħu.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 se jsir bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fl-MFCC, Ta’ Qali. Id-dħul b’xejn. Segwi s-sit tal-KNK, il-paġna Facebook tiegħu, jew il-paġna Facebook tal-Festival stess.


Share Article