L-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb issa fetħu. Il-Fond Malti tal-Ktieb għandu l-valur totali ta’ €105,000 u jikkonsisti minn żewġ kategoriji distinti għall-pubblikazzjoni u t-traduzzjoni tal-kotba.

Fil-viżjoni tiegħu bħala aġent kulturali bi rwol progressiv li jimmira għall-iżvilupp kulturali, edukattiv, u intellettwali fis-soċjetà, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fassal il-Fond sabiex jixpruna t-tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-ktieb, bl-għan li jegħleb l-iżvantaġġi li jiffaċċja l-istess suq minħabba iċ-ċokon relattiv tiegħu. Dawn l-iżvantaġġi jillimitaw il-kapital disponibbli għal pubblikazzjonijiet ta’ kwalità, riċerka u żvilupp, traduzzjoni, u marketing. 

Awturi, tradutturi, u pubblikaturi lokali jkollhom jagħżlu bejn li jżommu lura mill-proġetti ambizzjużi tagħhom, jew inkella jieħdu r-riskji finanzjarji involuti biex iwettquhom. Propju biex iħeġġeġ lill-awturi, it-tradutturi, u l-pubblikaturi ħalli l-isfidi ta’ natura kummerċjali ta’ dawn il-publikazzjonijiet ma jaqtgħulhomx qalbhom, u biex ikabbar fihom il-kunfidenza u jinkuraġġihom, il-KNK qiegħed għas-seba’ darba jiftaħ is-sejħa pubblika għall-applikazzjonijet tal-Fond Malti tal-Ktieb sabiex jassigura l-possibilità li dawn il-proġetti jseħħu. 

Il-KNK qiegħed jirċievi l-applikazzjonijiet għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni u l-Għotjiet għat-Traduzzjoni (maqsuma fiż-żewġ kategoriji: Traduzzjoni ta’ kotba Maltin u Traduzzjoni għall-Malti).

Bl-għan li jwieżnu l-pubblikazzjonijiet ta’ letteratura ta’ kwalità u/jew xogħlijiet ta’ riċerka, ġiet allokata s-somma totali annwali ta’ €50,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni. Tingħata preferenza lil xogħlijiet ambizzjużi li jkollhom valur kulturali għoli u relevanza għas-suq lokali b’mod immirat, partikolarment jekk dal-proġetti jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ natura kummerċjali. Il-fondi jissapportjaw applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ kotba akkademiċi li jinkludu monografi, ġabriet editjati, u edizzjonijiet kritiċi, kif ukoll xogħlijiet oriġinali ta’ letteratura mhux fittizja, finzjoni, fosthom rumanzi, poeżija, drammi, bijografiji,  u rumanzi grafiċi. Kotba li jkun fihom biss xbihat jew kotba tal-fotografija mhumiex eliġibbli.

Għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni fi ħdan il-Fond Malti tal-Ktieb hemm allokata s-somma totali annwali ta’ €55,000 – €40,000 għal applikazzjonijiet għat-traduzzjoni ta’ kotba Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u li jkollhom ISBN Malti) f’kull ilsien ieħor bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà internazzjonali tal-kitba kreattiva u akkademika Maltija. Imbagħad €15,000 oħra se jkunu allokati għal applikazzjonijiet għal traduzzjonijiet ta’ kotba f’kull ilsien għal dak Malti, bl-għan li jitwieżnu t-tradutturi Maltin li jridu jagħtu aċċess lill-pubbliku biex jaqra bil-Malti xogħlijiet letterarji internazzjonali.

Proġetti mill-passat issapportjati mill-Fond Malti tal-Ktieb:

L-Għotjiet fi ħdan il-Fond Malti tal-Ktieb isegwu l-proviżjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba. Il-fondi jmorru għand dawk l-applikanti li jgħaddu minn proċess kompetittiv ta’ aġudikazzjoni. Bord indipendenti tal-aġġudikazzjoni jinħatar apposta biex jevalwa kull proġett fi proċess rigoruż li jaċċerta kemm il-valur tal-proġett kif ukoll ir-rekwiżiti finanzjarji. Il-fondi kollha mogħtija mill-Fond Malti tal-Ktieb jistgħu jiffinanzjaw sa 100% tal-proġett propost, b’għotja massima ta’ €5,000.

L-applikanti interessati huma mħeġġa jaqraw bir-reqqa l-Linji Gwida u r-Regolamenti tal-għotjiet rispettivi għal aktar informazzjoni dwar eliġibbiltà u l-proċess tal-evalwazzjoni qabel ma japplikaw. Il-Linji Gwida u r-Regolamenti, il-formola tal-applikazzjoni, u informazzjoni relevanti oħra jistgħu jitniżżlu mis-sit tal-Fond Malti tal-Ktieb. 

L-ordni tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi tiġi ppubblikata fi żmien sitt ġimgħat minn meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.

Is-sejħa għall-applikazzjonijet tagħlaq nhar l-Erbgħa 30 ta’ Ġunju 2021 f’nofsinhar.


Share Article