Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħabbar bi pjaċir l-assenjament ta’ karigi ġodda liż-żewġ ħaddiema tiegħu: Simona Cassano u Matthew Borg. Cassano se tkun qed tiġi inkarigata bl-irwol ta’ Direttur Eżekuttiv u Borg bħala Senior Manager.

Simona ngħaqdet mat-tim tal-KNK fl-2017 fi żmien meta l-Kunsill kien għadu qed jibni l-pedamenti tiegħu. Minn dakinhar ħadmet qatigħ biex jiġi żviluppat l-operat tad-dipartiment u kienet strumentali biex tjieb il-prodott u żidna fl-effiċjenza. Għandha żewġ Maġisteri u qabel ix-xogħol mal-KNK kienet diġà bniet karriera fl-industrija tal-pubblikazzjoni fl-Italja u l-Emirati.

Matthew kien jaħdem fil-ġurnaliżmu qabel ma ngħaqad mal-Kunsill fl-2018, u minn dakinhar ħadem mill-qrib ma’ Simona u fl-istess ħin ħa f’idejh fergħat u proġetti ġodda, ngħidu aħna l-esportazzjoni letterarja fir-reġjun Għarbi. F’ħidma mal-kollegi l-oħra fit-tim, bħalissa Matthew qed jaħdem biex nidħlu fi swieq oħra bl-esportazzjoni f’lingwi ġodda. Iggradwa fil-Malti u bħalissa qed ikompli jibni fuq dawn l-istudji.

Il-KNK jixtieq jawgura lil dawn iż-żewġ ħaddiema tiegħu ġejjieni sabiħ.


Share Article