Wara li ltqajna ma’ Ray il-Qarrej, Filip il-Kittieb u Ċiċi l-Ispettatriċi, nippreżentawlkom karattru ieħor mill-powster uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Mia s-Semmiegħa li tħobb b’mod speċjali tisma’ l-istejjer mill-kotba rrakkuntati bil-fomm.

Seħer ir-rakkuntar ilu minn ewl id-dinja, u l-bniedem fin-natura tiegħu jxaqleb lejn l-istejjer bil-fomm sabiex jiftakar, fosthom l-istorja tiegħu nnifsu jew l-għerf ta’ nies tul iż-żminijiet, kif juruna l-qwiel (u anki l-etimoloġija tal-kelma “qwiel”).

Widnejn Mia jitwaqqfu u ssib il-mistrieħ xħin tisma’ l-istejjer irrakkuntati u l-letteratura mtarrfa. Għalkemm il-kotba xorta waħda tikolhom – bħalma wara kollox jagħmlu t-tliet karattri l-oħra tal-powster – il-letteratura tikkunsmaha wkoll f’ġeneri oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-widna.

Ġieli smajt xi adattament mużikali ta’ xi test letterarju, ngħidu aħna xi għanja jew l-Innu Malti nnifsu, jew tisma’ ktieb awdjo, jew anki xi poddata letterarja? Dawn huma kollha esperjenzi differenti li madankollu telqu minn punt komuni – il-letteratura.

Kemm jekk inti tħobb il-kotba, kittieb aspirant jew xi ħadd li jfittex modi ġodda kif il-letteratura u l-kotba jmissuh, mela nistednuk għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

Fost l-oħrajn, il-programm se jkun fih attivitajiet fuq dawn il-linji, ngħidu aħna qari ta’ poeżija, sessjonijiet live ta’ poddati u kunċerti mużiko-letterarji, u tista’ ssib ukoll kotba li jkollhom il-verżjoni awdjo tagħhom mingħand uħud mill-esebituri ta’ dis-sena.

Għall-aħħar aġġornamenti dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, segwi s-sit, il-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-paġna tal-Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article