Issa li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jinsab wara l-bieb, it-tim tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed ifittex biex jimpjega Organizzatur Kulturali. L-industrija tal-pubblikazzjoni kibret fl-aħħar snin u magħha kiber u sar aktar professjonali t-tim tal-KNK. Għalhekk bħalissa qed infittxu biex inkabbruh.

Bil-ħidma tiegħek fil-KNK ikun qed ikollok iċ-ċans tagħmel differenza fl-industrija tal-kotba f’Malta li kulma jmur qed tikber, u allura tgħinha twieżen aħjar lill-imsieħba kollha li jiffurmawha. L-istaff tal-KNK jimpjega ħilietu biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u dejjiema ħalli s-sapport lill-awturi, il-pubblikaturi, l-illustraturi, it-tradutturi u l-edituri ma jonqosx. Għandna tim kapaċi li jikber billi nitgħallmu minn xulxin, minkejja li kulħadd hawnhekk beda bi rwoli żgħar.

Qegħdin noffru ħatra ta’ sitt ġimgħat sabiex niġu megħjuna fil-preparazzjoni, il-loġistika, u l-organizzazzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li se jsir bejn it-3 u s-7 ta’ Novembru. Inwiegħdu ambjent ta’ ħidma inklussiva u opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

Qegħdin infittxu kandidat jew kandidata li hija kommessa u għandha passjoni għal dax-xogħol, li tikber f’ambjent multikulturali, u li mħajra ġġib magħha ideat innovattivi, ħiliet u soluzzjonijiet. L-Organizzatur Kulturali se jkun qed jgħin fil-preparazzjoni, l-organizzazzjoni u l-immaniġġjar tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, jikkomunika mal-imsieħba u joffri daqqa t’id fix-xogħol ta’ kuljum fl-uffiċċju.

Din ħija ħatra ta’ sitt ġimgħat (40 siegħa fil-ġimgħa).

X’inhu meħtieġ:

  • ħila tajba fit-tħaddim tal-Microsoft Office u l-mezzi soċjali
  • ħakma eċċellenti tal-Malti u l-Ingliż
  • preferibbilment esperjenza minn qabel fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti
  • liċenzja tas-sewqan
  • ċertifikat tat-tilqima kontra l-Covid-19
  • numru tal-VAT

Biex tapplika u tkun taf ukoll il-kundizzjonijiet tas-salarju ibgħat is-CV tiegħek u l-ittra dwarek lil Joe Debattista fuq joe.debattista@gov.mt sa mhux aktar tard mit-Tlieta 28 ta’ Settembru 2021. L-intervisti jibdew l-Erbgħa 29 ta’ Settembru 2021.


Share Article