Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u l-Malta Community of Illustrators (MCOI) qed inħabbru bi pjaċir sejħa miftuħa għal animatur diġitali/disinjatur tal-moviment sabiex jinħoloq filmat promozzjonali għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024, ibbażat fuq l-illustrazzjonijiet ta’ Ed Dingli.

Il-filmat se jkun qed jesprimi t-tema tal-Festival ta’ dis-sena: #dinjietjirrimaw, wirja ta’ kull aspett mid-dinja tal-letteratura, mit-twelid tal-idea sal-prodott finali. Bħalma l-Festival se jkun qed iħaddan l-istadji kollha tal-proċess tal-pubblikazzjoni, MBF 24 iwegħedkom li se jkun ċelebrazzjoni waħda tal-kreattività fil-forom varji tagħha. L-illustrazzjoni maqsuma f’erba’ ‘dinjiet’ differenti iżda kumplimentari li se jinkixfu gradwalment tul il-kampanja ta’ promozzjoni.

Mhux ta’ min titlef din l-opportunità li tipparteċipa fl-akbar avveniment f’Malta relatat mal-kotba u l-industrija tal-kotba.

Il-filmat se jikkumplimenta l-kampanja tal-MBF 24. Se jintuża bħala daħla qasira għal f’numru ta’ materjal promozzjonali, u fl-istess ħin iservi wkoll bħala rappreżentazzjoni viżiva u dinamika tat-tema u l-programm tal-Festival. Allura importanti immens li l-filmat mhux biss jibni fuq il-lehma kreattiva tal-illustratur, imma anki juri b’mod prominenti d-dati tal-avveniment, l-elementi ewlenin tad-disinn u t-tema #dinjietjirrimaw.

L-illustrazzjonijiet li l-applikanti jistgħu jaċċessaw fi żmien is-sejħa jinsabu fuq moodboard li fiha l-ewwel elementi tal-kampanja tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024. Warajhom imbagħad se joħorġu fil-pubbliku ftit ftit l-erba’ ‘dinjiet’ f’numru ta’ powsts fix-xhur li ġejjin.

Il-mużika li trid tintuża hija Zoltan ta’ Kym Pepe.

X’qed Infittxu?

🎬 It-tul: 30-35 sekonda l-aktar, u jingle iqsar ta’ bejn 5 u 7 sekondi

🎬 It-tip: Animazzjoni viżiva li tolqot l-għajn: Għall-online (mp4) u aktarx għat-TV (mxf), kif ukoll bħala daħla fuq il-portals online

🎬 Il-lingwa: bil-Malti, u sottotitli bl-Ingliż

🎬 Skript: Mill-inqas (ftit speech bubbles / supers)

🎬 Aktar informazzjoni dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (6-10 ta’ Novembru) tinsab fuq https://ktieb.org.mt/festival-nazzjonali-tal-ktieb/. Il-hashtags tal-Festival huma ‘#dinjietjirrimaw’ – ‘#bindingworlds’

Il-Moodboard tal-MBF 24

Ix-xogħol artistiku se jkun maqsum f’erba’ ‘dinjiet’ differenti li se jidhru gradwalment lill-pubbliku bħala parti mill-kampanja promozzjonali. Kull ‘dinja’ se turi naħa oħra tal-kunċett ewlieni.

Dinja 1 hija ddominata miċ-ċaqliq tas-sħab u t-tiħrik / ċaqliq ta’ paġni / dawl imlewwen. Dinja 2 turi l-moviment tan-nies (eż. persuna taqbeż fil-pool, tifla tonfoħ il-bżieżaq tas-sapun). Kull element iżomm il-bilanċ huwa u jitħarrek donnu se jxaqleb lejn naħa jew oħra/ F’Dinja 3 jidher vapur tiela’ u nieżel fil-mewġ, id-duħħan tiela’ u l-karti jittajru. Dinja 4 fiha għodda jitħarrku u mixi fuq ħabel irqiq u kliem.

Kif Tapplika

Jekk inti animatur diġitali jew disinjatur tal-moviment u interessat f’din l-opportunità eċitanti, jekk jogħġbok daħħal dal-materjal li ġej f’dil-formola.

  1. Il-portafoll tiegħek li juri dak ix-xogħol relevanti turija tal-ħiliet tiegħek fl-animazzjoni u d-disinn.
  2. Il-proposta tiegħek: deskrizzjoni ta’ kif se tersaq lejn il-proġett u kif se tippjana li tagħti l-ħajja lill-kunċett.
  3. Skeda taż-żmien proposta sabiex tlesti l-filmat promozzjonali fi żmien 9 ġimgħat kif allokat.
  4. L-informazzjoni ta’ kuntatt (isem, email, numru).

Kif Tibni l-Proposta Tiegħek

Il-proposta trid tinkludi deskrizzjoni ta’ kif se tersaq lejn il-proġett u kif se tippjana li tagħti l-ħajja lill-kunċett.

Meta ddaħħal il-proposta tiegħek, jekk jogħġbok ibniha skont dawn l-elementi ewlenin:

🎬 Introduzzjoni: Introduċi lilek innifsek u pprovdi sommarju tal-esperjenza li għandek fl-animazzjoni diġitali u d-disinn tal-moviment.

🎬 Resqien lejn is-suġġett: Aqsam magħna r-resqien kreattiv tiegħek lejn is-suġġett u l-viżjoni għall-filmat promozzjonali. Dejjem żomm f’rasek it-tema u l-kunċett #dinjietjirrimaw tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024. L-illustrazzjonijiet tal-kampanja tal-Festival huma ta’ Ed Dingli, li xtaq jgħaddilek dal-messaġġ: ‘L-ispirazzjoni tiegħi għall-illustrazzjoni ta’ dis-sena kienet ibbażata fuq is-sens ta’ vjaġġ, traġitt, passaġġ. Li niġbed lill-qarrej fid-dinja tal-letteratura u l-istejjer. Li nesplora s-snajja’ differenti tal-industrija, il-ġeneri u l-kotba li jqanqlu ħsus differenti f’kull wieħed u waħda minna. Li niftaħ il-bibien għall-iskoperti u għal dak li mhux lakemm taħfnu mill-ewwel, għall-avventura, il-mhux magħruf, u l-istagħġib. Kull ktieb dinja ta’ inkontri mhux mistennija, kull paġna esplorazzjoni ġdida’.

🎬 Il-proposta għandha żżur kull waħda mill-erba’ ‘dinjiet’ imsemmija. Ix-xena aħħarija trid turi l-powster kollu. 

🎬 Skeda taż-Żmien: Urina l-iskeda u kif se tqassam xogħlok sabiex tlaħħaq kollox fiż-żmien allokat.

🎬 Il-Portafoll: Urina l-ħiliet u l-ispeċjalizzazzjoni tiegħek b’eżempji relevanti mill-portafoll tiegħek.

🎬 Nippreferu skript minimalista għall-filmat promozzjonali. L-iskript irid ikun konċiż imma jdomm il-messaġġ ewlieni tal-Festival.

Dati Importanti

🎬 Is-sejħa tiftaħ fl-4 ta’ Ġunju

🎬 Għeluq iż-żmien biex tissottometti l-applikazzjoni u l-proposta tiegħek: 18 ta’ Ġunju

🎬 Tħabbir tar-rebbieħ/a: 28 ta’ Ġunju

🎬 Twassil tal-filmat finali: 9 ġimgħat minn meta jitħabbar ir-rebbieħ/a, bl-informazzjoni kollha, l-artwork u s-sommarju tax-xogħol – dawn jiġu diskussi mal-applilkant/a magħżul/a.

🎬 Il-pubblikazzjoni tal-filmat promozzjonali tal-Festival: 24 ta’ Settembru

Ħlas

Il-ħlas għal dax-xogħol kollu msemmi hawn fuq għal Animatur Diġitali/Disinjatur tal-Moviment huwa ta’ €3,000 mingħajr VAT. Dan jinkludi l-ispejjeż biex isir il-filmat ta’ bejn 30 u 35 sekonda, u l-filmat jingle ta’ bejn 5 u 7 sekondi bi ħsejjes ibbażati fuq dawk użati fil-filmat itwal. Il-kumpens jingħata wara li jiddaħħal il-filmat lest. L-ispejjeż iridu jkunu akkumpanjati minn fatturi u l-applikant irid ikollu numru tal-VAT.

Ingħaqdu magħna sabiex niċċelebraw flimkien il-qawwa tal-letteratura u l-pontijiet li għandha ma’ midja oħra waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024. L-animazzjoni tagħkom jaf tkun l-għodda perfetta li tispira, teduka u tkebbes l-immaġinazzjoni ta’ dawk li jattendu l-Festival.

Ħerqanin naraw il-proposti tagħkom!


Share Article