Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iħabbar bi pjaċir li ċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 se ssir fl-10 ta’ Diċembru taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru l-Berġa ta’ Kastilja. Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jitħabbru ftit wara tmiem iċ-ċerimonja fuq is-sit www.ktieb.org.mt u l-paġna tal-Facebook tal-KNK.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jingħata kull sena mill-KNK bil-għan li jiċċelebra l-ogħla kisbiet tal-pubblikazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ letteratura u riċerka mis-sena ta’ qabel. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jingħata fi tmien kategoriji differenti, jiġifieri l-kategoriji tar-Rumanz, in-Novella, il-Poeżija, il-Letteratura mhux Fittizja, it-Traduzzjoni, id-Drama, ir-Riċerka Ġenerali, u r-Riċerka Bijografika u Storjografika. Dis-sena ma kienx hemm sottomissjonijiet fil-kategorija tad-Drama.

Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti fost lista ta’ finalisti li tħabbret aktar kmieni dis-sena. Ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka għal kotba tat-tfal u l-adolexxenti tħabbru diġà waqt il-ftuħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021. Ara min kienu r-rebbieħa.

Għal aktar informazzjoni dwar min huma l-pubblikaturi lokali u x’kotba għandhom għall-bejgħ online fosthom il-kotba finalisti ta’ dis-sena, żur dil-paġna fuq is-sit tal-KNK.


Share Article