Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) isellem lill-poeta u l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras u jibgħat l-għomor lill-familja.

Sciberras jibqa’ mfakkar għall-ġabriet ta’ poeżiji li ppubblika tul ħajtu, speċjalment il-ktieb Mandala fl-1984 li minnu bosta poeżiji ġew studjati mill-istudenti tul is-snin. Kotba oħra tiegħu huma; Priżmi ma’ Dun Lawrenz Cachia fl-1968; Dawl fil-Persjani (1972); u l-aħħar ġabra tiegħu fl-2014 Mirja, li fiha l-poeżiji kollha tiegħu mill-1963 sal-2013. Sciberras kien membru tal-Moviment Qawmien Letterarju fis-sittinijiet.

Il-patrimonju ta’ Sciberras mhuwiex marbut mal-poeżija biss. Il-qasam legali huwa midjun mal-Imħallef Emeritu bil-pubblikazzjoni tiegħu Alfabett tal-Kodiċi Ċivili mqassam f’10 volumi u li ħadlu snin minn ħajtu. Sciberras baqa’ għaddej sal-aħħar bil-kontribut tiegħu, hekk kif kien qed ilesti serje oħra ta’ kotba legali jisimha ‘L-Alfabett tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili’.

Sentejn ilu l-KNK kien intervista lil Sciberras dwar l-interess tiegħu fil-kitba, kemm dik artistika iżda anki legali, it-tematika eżistenzjali, l-onestà bħala prerekwiżit għall-kitba radikali tal-poeżija, it-tqassim tal-pubblikazzjoni monumentali Alfabett tal-Kodiċi Ċivili, u l-influwenzi Russi u Taljani fuq il-kitba tiegħu, fost oħrajn.

Isma’ l-intervista sħiħa hawnhekk: https://ktieb.org.mt/news/taht-il-qoxra-philip-sciberras/

Fir-ritratt jidher il-poeta meta kien mistieden jaqra xogħlu waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta ftit tas-snin ilu.


Share Article