Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iħabbar bi pjaċir il-programm tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll il-filmat promozzjonali ta’ dan l-avveniment nazzjonali. It-tnedija saret waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Bibljoteka Nazzjonali l-Belt, u li indirizzawha l-Ministru tal-Edukazzjoni, l-On. Clifton Grima u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.

Dwar #kotbakitbauaktar

Il-programm tal-attivitajiet fih madwar 100 attività maqsumin fuq ħamest ijiem, bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru. L-attivitajiet bla ħlas, u se jsiru fi swali apposta fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali. Fosthom hemm xows u attivitajiet għall-familja u għall-istudenti, tnedijiet u diskussjonijiet dwar kotba, workshops ta’ kitba, qari animat, u nħawi fejn il-professjonijisti tal-industrija jistgħu jiltaqgħu mal-pubbliku jew bejniethom.

It-tema tal-edizzjoni ta’ dis-sena – #kotbakitbauaktar – tixħet dawl fuq il-ħila tal-mezz artistiku li jmur lil hinn mill-kelma u jissawwar f’forom oħra, ngħidu aħna l-ħoss, it-teatru, jew l-adattament ċinematografiku. Ħarsa ħafifa lejn il-programm tixhed dal-   ħsieb. B’50 esebitur u numru ta’ attivitajiet bil-parteċipazzjoni ta’ mistiedna lokali u internazzjonali, il-Festival jibqa’ l-aktar avveniment prominenti fil-Gżejjer Maltin għal dak li għandu x’jaqsam mal-kotba.

Aċċessa l-programm tal-attivitajiet minn hawn.

Inkebbsu t-talent lokali b’riħet kollaborazzjonijiet internazzjonali

Kull sena l-KNK jistieden awturi internazzjonali li jservu bħala mezz biex il-komunità lokali tmur lil hinn mill-fruntieri Maltin. Bil-għan li jkebbes it-talent lokali u jwessa’ l-possibiltajiet, il-Festival joffri ċ-ċans lil kittieba, edituri, tradutturi,illustraturi u pubblikaturi Maltin jipparteċipaw f’workshops u diskussjonijiet fuq il-kitba, liema attivitajiet ikunu mmexxija minn mistiedna ta’ livell.

Għalhekk, il-KNK bi pjaċir jilqa’ l-preżenza ta’ Sam Blake, awtriċi Irlandiża ta’ kotba bestsellers u finalista tliet darbiet għall-Premju tar-Rumanz Irlandiż tas-Sena. Il-kotba tagħha jinkludu The Mystery of Four (Corvus, 2023) li huwa s-seba’ ktieb bestseller tagħha, u Something Terrible Happened Last Night (Gill Books, 2023) li huwa l-ewwel rumanz tagħha għaż-żgħażagħ.

Il-KNK jilqa’ wkoll lill-kittieb u editur ta’ kotba tat-tfal Charlie Castelletti. Huwa l-awtur ta’ The Manor House Governess (Alcove Press, 2023) bil-psewdonimu C.A. Castle, ta’ ktieb tal-istampi għal tfal żgħar, u antoloġista tal-poeżiji ma’ Macmillan.

L-aġent letterarju u l-konsulent tal-pubblikazzjoni Simon Trewin, li huwa wkoll aġent ta’ bosta’ kittieba bestellers bħal Sam Blake u John Boyne, kif ukoll Jen Calleja u Kat Storace minn Praspar Press li jippubblikaw l-antoloġija annwali ta’ kitba bl-Ingliż minn Maltin Scintillas: New Maltese Writing, huma mistiedna distinti oħrajn għall-Festival ta’ dis-sena. L-awtriċi Maltija Clare Azzopardi se tingħaqad ma’ dawn il-mistiedna internazzjonali f’diskussjoni dwar ir-rumanz tagħha Castillo (Merlin Publishers, 2018) u l-adattament ċinematografiku tiegħu li ġejja daqt.

Fid-diskors tiegħu, Camilleri innota l-kollaborazzjonijiet differenti li l-KNK għandu ma’ entitajiet oħrajn, u li bis-saħħa t’hekk qed jittella’ programm kulturali bit-tema #kotbakitbauaktar. Fost l-oħrajn, l-esebizzjoni From Illustration to Book ikkurata mill-Kunsill Malti għall-Arti; il-kamra sensorja għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu kkurata mill-Fondazzjoni Inspire; il-kunċert VII/Fidwa ta’ Teatru Malta u The New Victorians; l-esebizzjoni Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali ta’ Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti; xows teatrali bbażati fuq kotba rebbieħa tat-Terramaxka u mtellgħin mid-drammaturga Simone Spiteri; mural interattiv imtella’ mill-Malta Community of Illustrators u l-Kunsill Malti għall-Arti; diskussjoni mmexxija mill-Kummissjoni Maltija tal-Films dwar l-adattamenti ċinematografiċi tal-kotba; u sessjonijiet ta’ qari għat-tfal mill-Energy and Water Agency.

Camilleri żied jgħid li l-mistiedna internazzjonali se jagħmlu diversi workshops ta’ kitba u editjar kif ukoll jaqsmu dak li jafu dwar is-swieqi barranin mal-professjonisti Maltin. Issemmew ukoll kollaborazzjonijiet oħrajn, bħal dik mal-Fondazzjoni tal-Commonwealth u dik mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Ġibiltà.

Nipprovdu esperjenza li tagħni lill-qarrej

Barra minn hekk, l-esebituri tal-Festival se jkunu qed itellgħu l-attivitajiet tagħhom għal udjenzi varji u niċeċ letterarji fuq l-istands tagħhom jew fis-swali skont it-tema: Is-Sala tal-qarrejja, Is-Sala tal-Kittieba, Is-Sala fil-Pjazza, u t-Teatru.

Waqt il-konferenza, l-On. Grima rringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-ħidma tiegħu fil-qasam importanti tal-letteratura, fosthom biex imexxi ’l quddiem u jippromwovi l-kultura tal-qari.

“F’dinja li dejjem qed timxi lejn il-mezzi diġitali, m’għandniex inwarrbu minjiera ta’ informazzjoni li tinsab fi ktieb. Il-qari huwa wieħed mill-pedamenti tal-edukazzjoni u huwa għalhekk li parti mir-responsabbiltà tagħna hija li nħeġġu l-qari minn età bikrija. Għalhekk inħeġġeġ lill-istudenti biex jipparteċipaw bis-sħiħ fl-inizjattivi favur il-qari fl-iskejjel tagħna”, qal il-Ministru Grima.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fl-MFCC Ta’ Qali. Segwi s-sit tal-KNK, il-paġna Facebook tal-KNK, u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article