Skip to content

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2025

Image of Jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2025

Ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef tħabbru llejla waqt ċerimonja fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, ippreżentata minn Antonella Axisa. Dis-sena kien hemm aktar minn 42 poeżija sottomessa.

Il-poeżija ‘skeda: fr(amment)i’ ta’ Stefan Borg ingħatat l-ewwel post u premju ta’ €1,000 mill-grupp ta’ ġurija li kien magħmul minn Virginia Monteforte, Joe Gatt u David Aloisio.

L-aġġudikanti tal-konkors iddeskrivew il-poeżija ta’ Stefan Borg bħala poeżija miktuba bi “stil oriġinali qawwi li jwassal immaġni friski minsuġa b’mod tajjeb bejniethom u li jakkumpanjawna fi vjaġġ tul il-frekwenzi tar-radju, li l-vuċi tiegħu hija frammentata bħall-ħsibijiet tal-awtur.”

Il-poeżija ‘Masturbazzjoni’ ta’ Duncan Borg Ellul ħadet it-tieni post – l-aġġudikanti innutaw b’mod partikolari ix-xbihat f’din il-poeżija li jwasslu b’mod ġentili u delikat esperjenza li rarament tiġi trattata fil-poeżija. It-tielet premju ingħata lil Rita Saliba għall-poeżija tagħha ‘Mhux affarija’, riflessjoni fuq l-apatija soċjali lejn it-tbatija ta’ ħaddieħor, u l-linja bejn l-empatija u l-indifferenza.

Waqt id-diskors tiegħu fiċ-ċerimonja, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri kkummenta dwar l-importanza ta’ dan il-Konkors għall-komunità tal-kittieba Maltin.

“Għalkemm b’mod modest, dan il-Konkors qed jibqa’ jservi bħala punt ta’ referenza għall-poeti Maltin indipendentament mill-età, is-sengħa jew l-istil. Minkejja dan, nistgħu naraw mill-ewwel tliet rebbieħa li f’Malta għandna talent poetiku varjat. Il-KNK inwiegħdu li nibqgħu ninċentivaw lill-poeti sabiex inħeġġuhom joħolqu l-aħjar xogħol li jistgħu sabiex il-vuċi tagħhom tkun tagħhom biss”, qal Camilleri.

Il-Konkors isir kull sena u jkun miftuħ għal kulħadd. Il-poeżija sottomessa trid tkun bil-Malti, oriġinali, u sa massimu ta’ 36 vers. Ix-xogħol ikun sottomess bi psewdonimu, u jkun aġġudikat anonimament. Il-KNK jirringrazzja lil dawk kollha li tefgħu xogħolhom u lill-membri tal-ġurija. L-edizzjoni li jmiss tiftaħ f’Mejju tal-2025.

Waqt iċ-ċerimonja tal-lejla, il-poeti rebbieħa ġew mistiedna jaqraw ix-xogħol tagħhom. Magħhom ingħaqad ukoll Carmel Scicluna, ir-rebbieħ tal-Konkors tas-sena l-oħra bil-poeżija ‘Ħniex’, filwaqt li Marielle Zammit kantat kompożizzjonijiet oriġinali u adattamenti mużikali minn poeżiji ta’ Oliver Friggieri u Joe Friggieri.

Ir-riżultati kollha tista’ tarahom hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.