Skip to content

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb waqt il-London Book Fair 2025

Image of Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb waqt il-London Book Fair 2025

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iħabbar bi pjaċir li se jkun qed jipparteċipa fil-London Book Fair 2025 (LBF), li dis-sena se ssir bejn il-11 u t-13 ta Marzu fl-Olympia, Kensington.

L-LBF hija waħda mill-avvenimenti ewlenin fid-dinja tal-pubblikazzjoni, u tipprovdi ċans uniku sabiex il-Letteratura Maltija tkun esebita fuq skala globali. Il-preżenza tal-KNK f’dil-fiera hija turija tar-rieda tiegħu li jissapportja lill-awturi, pubblikaturi u illustraturi lokali sabiex jiltaqgħu u jibnu kuntatti ma’ professjonisti internazzjonali.

Nesebixxu l-Letteratura Maltija

Bħala parti mill-inizjattivi tiegħu waqt l-LBF, il-KNK stieden lill-pubblikaturi biex jissottomettu sa ħames kotba minn tagħhom biex ikunu inklużi fil-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra. Il-katalgu se jitqassam f’Londra u f’fieri internazzjonali, u ddisinjat sabiex jiftaħ il-bibien tal-kollaborazzjonijiet internazzjonali għall-imsieħba lokali tal-pubblikazzjoni. L-awturi wkoll kienu inkuraġġuti sabiex jaħdmu mal-pubblikaturi tagħhom ħalli d-dehra tagħhom tissaħħaħ fuq il-pjattaforma dinjija.

Seminar dwar in-Nuqqas ta’ Rappreżentanza Letterarja

F’Londra l-KNK se jtella’ s-seminar Beyond Island Horizons: Expanding Pathways for Literatures from the Margins nhar il-11 ta’ Marzu fis-13:45 fiċ-Ċentru għat-Traduzzjoni Letterarja. Is-seminar se jlaqqa’ esperti minn letteraturi differenti li, bħalma jiġri f’Malta, jaffaċċjaw ċerti sfidi relatati maċ-ċokon tagħhom u allura n-nuqqas ta’ rikonoxximent internazzjonali. Id-diskussjoni se tiffoka fuq strateġiji li jamplifikaw dawn il-vuċijiet letterarji mhux rappreżentati, u mezzi kif jintgħelbu dawn id-diffikultajiet tal-industrija.

L-Inizjattiva ‘Authentic Malta’

Il-KNK ħadem ma’ Visit Malta (l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu) sabiex titnieda l-inizjattiva ‘Authentic Malta’, li se tippromwovi l-letteratura Maltija bħala bastjun essenzjali tal-wirt kulturali Malti. L-inizjattiva se timxi anki f’fieri oħrajn sabiex il-kotba minn Malta jilħqu udjenzi kbar. Gutenberg Press ukoll se jkunu parti minn dil-kollaborazzjoni sabiex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta anki fl-eċċellenza relatata mas-sengħa tal-istampar.

Opportunitajiet għall-Illustraturi Maltin

Bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti ntgħażlu erba’ illustraturi – Miriam Galea, Rebecca Zammit u Kristina Zammit Endrich – biex jattendu l-London Book Fair 2025, b’sussidju għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni u l-biljett tad-dħul għall-fiera. Min-naħa tiegħu, il-KNK stieden lill-illustraturi lokali biex jossottomettu xogħolhom ħalli jkun esebit fl-istand tiegħu (6A34). Minn dawn is-sottomissjonijiet se jintgħażlu tmienja li se jkunu f’gallerija apposta, biex b’hekk se jkun hemm l-attenzjoni li jistħoqqilhom l-illustraturi tagħna mill-professjonisti fl-industrija u l-viżitaturi tal-fiera. Ix-xogħlijiet kollha se jidhru fi Literature from Malta: Foreign Rights Catalogue 2025.

Inwieżnu lill-Komunità Maltija tal-Letteratura

Il-KNK alloka għoxrin biljett tad-dħul lill-pubblikaturi, awturi, tradutturi u illustraturi Maltin li tqassmu fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel. Dan se jiffaċilita l-opportunitajiet ta’ netwerking u negozju, u allura jippromwovi l-letteratura Maltija fuq l-istejġ globali.

Żur l-istand tal-KNK (6a34) waqt il-London Book Fair biex tiskopri r-rikkezza tal-Letteratura Maltija. Tista’ tniżżel PDF tal-katalgu Literature from Malta – Foreign Rights Catalogue 2025 minn hawnhekk.

SHARE POST

Related Articles

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.