Sabiex tissaħħaħ il-kultura tal-ktieb u l-kwalità tal-pubblikazzjonijiet f’Malta, il-Fond Malti tal-Ktieb jinkludi għotjiet għall-edukazzjoni b’fond massimu ta’ 5,000 ewro għal kull proġett. Dawn l-għotjiet huma maħsuba biex jiffinanzjaw spejjeż ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni u parteċipazzjoni għal awturi u pubblikaturi li jixtiequ jattendu korsijiet qosra jew inizjattivi edukattivi relatati mal-qasam tax-xogħol tagħhom. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu workshops, seminars, konferenzi u sessjonijiet ta’ taħriġ dwar aspetti differenti tal-industrija tal-kotba.

Il-kriterji ta’ eliġibilità, inklużi dawk li jiddeskrivu t-tipi ta’ korsijiet, tħallew deliberatament miftuħin sabiex ikunu kemm jista’ jkun inklussivi ta’ tipi differenti ta’ inizjattivi. Huwa f’idejn l-applikant li jipprovdi informazzjoni dettaljata u deskrizzjoni bil-miktub tal-proġett sabiex jikkonferma l-valur edukattiv tal-proġett u r-rilevanza tiegħu għall-industrija lokali tal-ktieb. Oqsma ta’ interess jistgħu jinkludu ħiliet editorjali, promozzjoni u bejgħ tal-kotba, kitba kreattiva, il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ karattri fir-rakkont, illustrazzjoni tal-ktieb, studji fit-traduzzjoni u ħafna aktar.

Fuq is-sit tal-KNK ġie pprovdut appendiċi fil-paġna prinċipali tal-Fond b’lista eżemplari ta’ korsijiet qosra, irtiri għal kittieba, workshops u seminars. Madankollu, din il-lista mhux definittiva. Hija maħsuba biss biex tagħti idea tal-għadd kbir ta’ inizjattivi li huma miftuħa għall-fondi fl-iskema tal-Fond Malti tal-Ktieb.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li r-regolamenti xorta waħda japplikaw f’kull każ u kull applikazzjoni se tiġi studjata bir-reqqa mill-bord tal-aġġudikazzjoni. Se tingħata preferenza lill-awturi u l-pubblikaturi li jagħtu ġustifikazzjoni raġonevoli kemm tal-valur intrinsiku tal-proġett kif ukoll tal-valur prattiku tiegħu għal proġett partikolari li bħalissa jinzertaw qegħdin jaħdmu fuqu.

L-applikazzjonijiet, li jistgħu jitniżżlu hawnhekk, għandhom jimtlew u jintbagħtu kif suppost lill-NBC mhux aktar tard mid-29 ta’ Settembru 2017. Għal kwalunkwe mistoqsija relatata mal-Fond, l-applikanti għandhom jiktbu lil John Grech fuq john.f.grech@gov.mt. Huma jistgħu wkoll iċemplu fuq +356 27131574 biex jagħmlu appuntament jekk jippreferu jiddiskutu l-eliġibilità tal-proġett tagħhom f’aktar dettall.

 


Share Article