Lesti ruħek għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, ċelebrazzjoni tal-letteratura u l-kotba li tmur lil hinn mill-fruntieri li dramma bihom u li se sseħħ bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru l-MFCC, Ta’ Qali.

L-avveniment mistenni jagħni l-esperjenza tal-viżitaturi bis-saħħa ta’ kollaborazzjonijiet varji ma’ entitajiet kulturali ewlenin. Fosthom hemm ‘VII/Fidwa’, kunċert ta’ siegħa mid-duo mużikali ta’ kalibru The New Victorians, organizzat minn Teatru Malta u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u li mistenni jgħaġġeb lill-udjenza. Il-kunċert jinseġ narrattiva mużikali mal-istorja tal-irvelli tas-Sette Giugnio, u fl-istess ħin irikkeb fuqha dimensjoni multisensorjali bbażata fuq ir-rumanz klassiku ta’ Nina Cremona, Il-Fidwa tal-Bdiewa. Ibbukkja l-biljetti tiegħek minn hawn.

Il-KNK jaħdem anki sabiex ikebbes apprezzament lejn l-ilsien Malti, u b’hekk ħadem ma’ Heritage Malta sabiex ikollna l-wirja ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’, li ttellgħet aktar kmieni dis-sena bejn il-Heritage u l-Akkademja tal-Malti. Ejja u ara kif żviluppa dan l-ilsien li llum huwa tagħna.

Għalkemm iċ-ċelebrazzjoni tal-letteratura Maltija tinsab fil-qalba tal-Festival, l-avveniment għandu dimensjoni internazzjonali li jġonġiha mal-kuntest lokali. Attività particolari li għandha dan l-ispirtu hija l-Premju Commonwealth tan-Novelli flimkien mar-rebbieħa Ċiprijotta tal-edizzjoni tal-2019, Constantia Soteriou. Soteriou se tkun intervistata minn Elena Cardona, u fiha se jitkellmu dwar din l-opportunità ġdida li issa għandhom il-kittieba Maltin, hekk kif minn din l-edizzjoni se jkunu jistgħu jibdew jissottomettu xogħolhom bil-Malti għal dan il-premju prestiġġjuż, bis-saħħa ta’ ftehim li sar mal-KNK. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Ġibiltà se jkun magħna wkoll f’taħdita mal-KNK dwar x’hemm jixxiebah u x’hemm differenti fil-kuntesti letterari taż-żewġ blatiet. Iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet tal-Plaza Prizes se tinkled qari ta’ letteratura minn rebbieħa preċedenti, u se titmexxa mill-mistiedna speċjali tal-Festival, Sam Blake. L-Istituto Italiano di Cultura u l-German-Maltese Circle se joffru diversi attivitajiet immigrati għal nies li jitkellmu l-lingwa.

L-aspett viżiv tal-produzzjoni u l-preżentazzjoni ta’ ktieb jerġa’ jkun fiċ-ċentru, hekk kif se terġa’ tittella’ l-esebizzjoni ‘From Illustration to Book’ b’ħidma bejn il-KNK u l-Kunsill Malti għall-Arti. L-esebizzjoni tweġġaħ lill-illustratori u disinjaturi Maltin kontemporanji, u fl-istess ħin sonora lil dawk il-pijunieri fil-qasam. Se jkun hemm sezzjoni li tinkludi għażla ta’ illustrazzjonijiet minn illustraturi mill-annal tal-Malta Community of Illustrators (MCOI). Fl-istess ħin il-Mural Interattiv, dirett minn Matthew Demarco u organizzat f’ħidma mal-MCOI, se jistieden lill-pubbliku jixtarr ir-relazzjoni bejn l-illustrazzjonijiet u l-bidla soċjali pożittiva.

Imbagħad hemm pubblikaturi bħal Praspar Press, Kite Group, Kotba Calleja u Inanna Publishers li se jkollhom attivitajiet differenti immirati għal udienza varji. Kollaborazzjonijiet notevoli oħra huma dik mal-Fondazzjoni Inspire u l-APS Bank (li ħejjew Il-Kamra Sensorja), l-Energy and Water Agency, Gutenberg Press, Ġemma, l-Iskola San Anton, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, u d-drammaturga Simone Spiteri li se twasslilna divertiment lil tfal tal-iskola b’xows ibbażati fuq rebbieħa tal-Premju Terramaxka.

Aħna u dejjem noqorbu lejn il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-avveniment jidher aktar ċar bħala esperjenza unika fid-dinja tal-letteratura, l-arti, u l-kultura. Titlifx din l-opportunità sabiex tiskopri x-xefaq tar-rakkuntar tal-istejjer u l-espressjoni kreattiva. Ingħaqad magħna l-MFCC mit-18 sat-22 ta’ Ottubru, u ħalli f’idejna biex noħduk lil hinn minn #kitbakotbauaktar.

Id-dħul huwa b’xejn, iżda xi attivitajiet trid tirreġistra minn qabel għalihom. ‘VII/Fidwa’ hija l-unika attività li tirrikjedi l-biljetti bi ħlas. Segwi s-sit tal-KNK jew il-paġni Facebook tiegħu u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għall-aħħar aġġornamenti.


Share Article