Il-kittieb Irlandiż Paul Lynch, li rebaħ il-Premju Booker bir-rumanz tiegħu Prophet Song mill-2023, huwa mistieden speċjali ieħor tal-Festivan Nazzjonali tal-Ktieb 2024. Il-Festival huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u se jsir fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali bejn l-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru.

Il-preżenza ta’ Lynch tħabbret waqt konferenza stampa fil-Bibljoteka Nazzjonali aktar kmieni llum, li fiha tħabbar ukoll il-programm tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Il-parteċipazzjoni ta’ Lynch qed isseħħ ukoll bl-għajnuna tal-Ambaxxata Irlandiża f’Malta.

Lynch se jkun intervistat mill-ġurnalista Emma Mattei l-Ġimgħa 8 ta’ Novembru, bħala parti minn programm ta’ attivitajiet mimli daqs bajda.

Fl-indirizz tiegħu lill-pubbliku, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri nnota t-tkabbir kontinwu u pass pass tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, kemm fl-ambizzjoni tiegħu u anki fi twessigħ tal-iskop. “Dis-sena se nkunu qed nilqgħu mas-6,000 student mill-primarja, il-medja u s-sekondarja”, qal Camilleri, u żied li d-dħul għall-Festival huwa b’xejn għal kulħadd u l-programm qed joffri xi ħaġa gġal kulħadd. Uħud minn dawn l-attivitajiet jinkludu workshops immexxija minn professjonisti fl-industrija tal-pubblikazzjoni, sessjonijiet ma’ aġenti letterarji, u masterclass mill-awtur ċelebri Anthony Horowitz – li jingħaqad miegħu Lynch bħala l-mistiedna ewlenin bi profil internazzjonali. Camilleri rrimarka wkoll li bħas-snin preċedenti se jerġa’ jkun hemm il-Kamra Sensorja, magħmula apposta għal dawk li jkunu jridu spazju sigura, u mwieżna minn Inspire Malta u l-Bank APS.

Il-Kap Eżekuttiv esprima l-kburija tiegħu b’kemm il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb kiber fil-preżenza internazzjonali fih, did-darba bil-parteċipazzjoni ta’ rebbieħ tal-Premju Booker. “Meta nattiraw kittieba ta’ dan il-livell għoli, il-Festival iżid fil-prestiġju tiegħu”, sostna Camilleri filwaqt li rringrazzja lill-kollaboraturi u rrefera għan-numru akbar ta’ esebituri u msieħba kulturali barranin li jżewqu lil din l-edizzjoni. Fakkar fl-importanza kruċjali ta’ ħidma ma’ entitajiet oħra, bħall-Kunsill Malti għall-Arti, l-APS, Inspire Malta, l-Aġenżija tal-Enerġija u l-Ilma, il-Benna, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Piscopo Gardens.

L-Ambaxxatriċi Irlandiża għal Malta, l-E.T. Caroline Whelan, iddeskriviet din il-kollaborazzjoni bħala “partikularment ta’ pjaċir” fl-istedina ta’ Paul Lynch għall-Festival, li tqisu “l-aktar suċċess letterarju riċenti li għandha x’toffri l-irlanda”. Innutat li Prophet Song kien l-aktar ktieb mibjugħ fl-Irlanda fl-2023, u fakkret kif Lynch jingħaqad ma’ kittieba Irlandiżi ċelebri oħra li rebħu l-Premju Booker, fosthom Iris Murdoch, John Banville, Roddy Doyle, Anne Wright u Anna Burns, li fi kliemha “dan jitfa’ dawl fuq it-talent letterarju straordinarju li ħareġ minn pajjiżna”.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-On. Clifton Grima, faħħar lill-KNK għall-organizzazzjoni ta’ edizzjoni eċċezzjonali oħra tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Irrimarka li l-Festival baqa’ jikber kull sena, u jservi wkoll bħala dar fejn il-kultura tal-kotba f’Malta tissaħħaħ.

Grima nnota li l-programm tal-Festival fih attivitajiet li jagħtu spazju lill-ħabbieba tal-kotba u lill-professjonisti sabiex jinteraġixxu u jibdlu l-isfidi f’opportunitajiet. Faħħar lill-KNK għall-ħidma tiegħu ma’ entitajiet oħra sabiex jimbotta ’l quddiem il-profil tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Irrefera wkoll għall-istrateġija nazzjonali tal-edukazzjoni, u rrimarka li l-Festival qiegħed jerġa’ jpoġġi lill-persuni u lill-istudenti fil-qalba tal-preparamenti.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir iċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali mill-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru.

Għall-programm sħiħ tal-attivitajiet żur dil-ħolqa. Għal aktar informazzjoni ibqa’ segwi ktieb.org.mt u l-Facebook u Instagram tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article