Skip to content

X’Jagħmel Novella Kbira? 

Image of X’Jagħmel Novella Kbira? 

Issa li l-Premju Commonwealth għan-Novelli fetaħ u qed jilqa’ mill-ġdid is-sottomissjonijiet mill-kittieba Maltin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħaseb sabiex iqanqal id-diskussjoni billi jipproponi l-mistoqsija: liema huma dawk l-elementi li jagħmlu novella waħda kbira?

Biex nippruvaw nagħtu tweġiba għal dil-mistoqsija wiesgħa immens, staqsejnieha lil żewġ tuturi tal-kitba kreattiva, Aaron Aquilina (l-Università ta’ Malta), David Hudson (is-Soċjetà Maltija tal-Arti), u lil kittieba misjura fil-ġeneru, Rita Saliba. Minkejja li t-tlieta li huma ppuntaw lejn ir-rikkezza bla qiegħ u l-potenzjal li għandu l-ġeneru tan-novella, ilkoll qablu li hemm xi ħaġa essenzjali għan-novella, aktarx minħabba l-element intrinsiku tagħha – dak li tirrakkonta storja pprivileġġjata mill-qosor.

Fil-fatt, Rita Saliba tiddeskrivi n-novella bħala “mezz li tieħdok fi vjaġġ”, u li kultant “tiġbdek fil-passat, f’dak li kien; drabi oħra tkaxkrek magħha f’dak li għaddejjin minnu fiż-żminijiet tal-lum”. Saliba tistqarr li minkejja l-qosor tagħha, novella tajba kapaċi tlaqqagħna ma’ sitwazzjonijiet interessanti, tqanqal fina emozzjonijiet qawwija, u finalment twittilna t-triq għal skoperti trasformattivi. Saliba temmen li storja qasira trid tinbena metikolożament, u tinbex lill-qarrej biex tiġbidlu l-attenzjoni mill-ewwel. Iżda fuq kollox, “in-novella għandha toffri qari ta’ gost, minkejja l-qosor tagħha”.

Aaron Aquilina jiftaħ fuq il-karatteristika waħdanija fin-novella li diffiċli tikkontrapponiha – il-’qosor’ tagħha – u jitkellem dwar kif il-ġeneru għandu s-saħħa li jgħawweġ l-idea li għandna dwar iż-żmien tan-narrazzjoni (“taħlita ta’ żmien li għaddej u tal-permanenza, mhux neċessarjament f’bilanċ”).

“Kull kittieb jaf li jista’ jqassar eternità għal mument, jew itawwal mument għal eternità,” ikkummenta Aquilina.

“Meta nitkellmu dwar il-punt fokali tal-qosor fin-novelli, l-aħjar hu li nfiehmu das-sentiment b’xi ħaġa hekk: fin-novella għandek ekwilibriju fil-bidu li sa tmiemha jaf ikun suġġett għal bidla drastika u rriversibbli, u dil-bidla l-qarrej se jesperjenzaha f’tebqa’ t’għajn,” żied Aquilina huwa u jirreferi għax-xogħlijiet ta’ James Joyce, Flannery O’Connor, Anne Enright, Franz Kafka u Saki.

Jikkumplimentaw il-ħarsa sostanzjali ta’ Aquilina dwar kif in-novella, fl-aħjar forma tagħha, tingaġġa lill-qarrej, inżidu l-kummenti ta’ David Hudson li jduru aktar mat-teknika u l-mekkaniżmi impjegati fi wħud mill-aqwa novelli li nafu bihom.

“L-istejjer jitkellmu dwar il-bidla. Novella tajba tlaħħam fiha trasformazzjoni li tagħmel sens u li hi kredibbli fl-ispazju konfinat li jitlob il-ġeneru: għandek relazzjoni li timxi, karattru li jiżviluppa, post familjari li jidher f’dawl ġdid, u dettalji li jilbsu libsa ġdida,” qal Hudson, filwaqt li żied li l-lingwaġġ jew il-vuċi tal-istorja aktarx jidwu din l-istess natura tal-bidla, u li b’hekk isaħħu l-fil emottiv jew tematiku tal-istorja. Hudson isemmi għadd ta’ novelli li huma turija sabiħa ta’ dawn il-prinċipji, fosthom ‘A Small Good Thing’ ta’ Raymond Carver, ‘The Lottery’ ta’ Shirley Jackson, ‘A Temporary Matter’ ta’ Jhumpa Lahiri, u ‘Deep-Blood-Greasy-Bowl’ ta’ Annie Proulx.

Fortunatament, kemm Aaron Aquilina u anki David Hudson se jkunu qed jipparteċipaw fil-workshop tour dwar in-novella organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li se jinkludi wkoll parteċipanti oħra bħall-editur u t-traduttur Joe Gatt u l-awtriċi Leanne Ellul. Aktar informazzjoni hawnhekk.

It-tour qed jiġi organizzat biex jaħbat mal-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Premju Commonwealth għan-Novelli, li jiftaħ bejn l-1 ta’ Settembru u l-1 ta’ Novembru 2025. Bis-saħħa tas-sapport tal-KNK, il-Premju se jiftaħ għal darb’oħra bil-possibiltà li l-awturi Maltin jissottomettu xogħolhom bil-Malti. Aktar informazzjoni hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.