Skip to content

Kif tapplika għal Residenzi tal-Kitba u Workshops barra minn Malta: Sessjoni Zoom b’xejn minn Aġent Letterarju mir-Renju Unit

Image of Kif tapplika għal Residenzi tal-Kitba u Workshops barra minn Malta: Sessjoni Zoom b’xejn minn Aġent Letterarju mir-Renju Unit

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jerġa’ jistedinkom għal sessjoni oħra b’Zoom mal-aġent letterarju mir-Renju Unit u l-ambaxxatur letterarju għal Malta Simon Trewin, nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Frar fl-16:00.

Ir-residenzi tal-kitba u l-workshops internazzjonali bosta drabi jservu bħala opportunità li tista’ tibdel għall-pożittiv ir-rotta tas-suċċess. Minkejja dan, taf tkun sfida biex dak li jkun isib ir-residenzi li jgħoddu għalih u jieħu li jista’ minnhom, lil hinn mill-entużjasmu inizjali.

Dis-sessjoni se tkun waħda prattika u li tmur dirett għas-suġġett, u fiha l-aġent letterarju u konsulent tal-pubblikazzjoni Simon Trewin se jipprova jnaqqi u jfiehem il-proċess sħiħ ta’ kif wieħed japplika għar-residenzi u l-workshops barra minn Malta. Huwa u jixrob mill-esperjenzi tiegħu f’residenzi f’Ġerusalemm, Chennai u Istanbul, Simon se jiggwida lill-parteċipanti biex jaraw kif opportunitajiet bħal dawn jistgħu jservuhom u jaħdmu għalihom – mill-fażi li fiha tfittex għal xi programm, sal-fażi li fiha tipprepara applikazzjoni b’saħħitha u tilħaq l-aspettazzjonijiet tiegħek, biex finalment tittrasforma residenza f’xi ħaġa ġenwinament utli għall-karriera tiegħek bħala kittieb jew kittieba.

Dis-sessjoni tkopri:

  • Il-fejn u l-kif biex issib residenzi u workshops
  • Kif tiddeċiedi opportunità tgħoddx għalik jew le (u kif tevita xi wħud)
  • Xi jkunu qed ifittxu fl-applikanti l-bordijiet li jagħżluhom
  • Kif tipprepara l-applikazzjoni tiegħek b’materjal effettiv
  • X’għandek tistenna jekk jagħżluk – u kif tieħu li tista’ mill-esperjenza tiegħek
  • Xi żbalji, fehim u diżappunti komuni

F’dis-sessjoni se jingħataw ħjiliet prattiċi, formoli tal-applikazzjoni ta’ vera, u riżorsi online ikkurati, sabiex il-parteċipanti jkollhom għodda neċessarji li jużaw ’il quddiem.

Jissemmew ukoll x’tip ta’ għajnuniet joffri l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fosthom il-gwidi, il-pariri u l-fondi disponibbli għall-kittieba Maltin li jgħinuhom japplikaw fi pjattaformi internazzjonali u jibnu relazzjonijiet b’saħħithom ma’ professjonisti barranin bħalhom.

L-għan hu li dis-sessjoni tkun ċara, immexxija mill-esperjenza, u ddisinjata għall-kittieba li jridu jimxu lil hinn mill-aspirazzjoni vaga tal-bidu lejn fehim b’saħħtu dwar kif l-opportunitajiet internazzjoni jaħdmu – fil-prattika u mhux teorija biss.

Dis-sessjoni b’xejn, iżda trid tirreġistra għaliha. Min hu interessat jista’ jirreġistra minn Submittable hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.