Skip to content

Irreġistra mil-lum għall-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb

Image of Irreġistra mil-lum għall-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jistieden lill-professjonisti tal-industrija tal-ktieb u lill-pubbliku ġenerali sabiex tirreġistraw għall-ewwel Konferenza Nazzjonali dwar il-Ktieb, li se ssir nhar it-8 ta’ Mejju fid-DoubleTree tal-Hilton, il-Qawra. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq fit-2 t’April f’nofsinhar.

Dan l-avveniment se jibda jsir kull sena b’temi differenti, u se jservi bħala punt ta’ tlaqqigħ għall-pubblikaturi, l-awturi, it-tradutturi, il-qarrejja u dawk kollha interessati sabiex flimkien inwittu triq li tagħmel sens għall-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija. Dan se nagħmluh b’diskussjonijiet ma’ esperti ta’ diversi oqsma, kemm lokali u anki internazzjonali.

Din l-ewwel edizzjoni se jkun jisimha ‘L-Ekonomija u l-Ktieb’, u se tiffoka fuq kif il-kultura tal-pubblikazzjoni, il-bejgħ tal-kotba u l-qari jiffunzjonaw flimkien f’ekonomija tant żgħira. Id-diskussjonijiet se jmissu ma’ temi bħall-iskala tal-produzzjoni, il-lingwa, il-qarrejja, u l-livelli tal-konsum tal-kotba, u dan sabiex inħeġġu dibattitu li jiġġenera l-ideat u l-politiki għall-iżvilupp tal-industrija. Irridu li s-settur tal-kotba f’Malta nħarsu lejh ukoll mil-lenti usa’ tal-kuntest Ewropew u dinji.

Tista’ taċċessa din il-ħarsa ħafifa tal-programm hawnhekk.

“Ninsabu eċitati sew għat-tnedija ta’ din il-ħarsa ħafifa lejn il-programm tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb, u ’l quddiem se nniedu l-programm sħiħ li jwassalna għat-8 ta’ Mejju”, innota l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.

Żied jgħid li “Il-Konferenza hija punt ewlieni mill-Istrateġija fuq Ħames Snin 2025-2030 tal-KNK, u l-għan hu li niftħu dibattitu neċessarju dwar l-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija, dibattitu li jkun imwieżen minn riċerka rigoruża li tissarraf f’riżultati pożittivi u li kapaċi nilħqu.

Ir-reġistrazzjoni għall-Konferenza hi ta’ €30, li tinkludi d-dħul, parkeġġ u ikla. Ir-reġistrazzjonijiet jagħlqu fit-2 t’April f’nofsinhar, u min hu interessat jista’ japplika b’Submittable minn hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.