Skip to content

Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni

Image of Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni

L-ewwel edizzjoni tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb, imtellgħa mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) nhar it-8 ta’ Mejju fid-DoubleTree tal-Hilton il-Qawra, se tkun qed toffri ritratt attwali tal-industrija tal-pubblikazzjoni f’Malta. L-għan tagħha se jkun li tindirizza l-isfidi eżistenti kif ukoll tindividwa l-opportunitajiet li hemm, u dan se jsir bil-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ kelliema minn oqsma differenti tal-industrija u lil hinn minnha.

Ir-reġistrazzjonijiet ġew estiżi għall-20 ta’ April. Irreġistra minn Submittable hawnhekk.

Din l-ewwel edizzjoni mhux se tkun l-unika waħda, iżda l-pjan hu li tibda ssir kull sena – anki kif mistenni mill-Viżjoni tal-KNK fuq Ħames Snin (2025-2030). It-tema ta’ din l-edizzjoni se tkun L-Ekonomija u l-Ktieb, u kemm il-kelliema kif ukoll il-parteċipanti mistennija jiddjalogaw mal-professjonisti ta’ din l-industrija fil-veru sens tal-kelma – industrija b’realtajiet ekonomiċi urġenti u tanġibbli li ħaqqhom attenzjoni speċjali.

Il-programm sħiħ tal-konferenza, li tvara llum, jinkludi għadd ta’ parteċipanti mis-settur kulturali, kif ukoll persuni prominenti mis-settur ekonomiku, bħal Prof. Marie Briguglio, il-President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Paul Vella, u l-istatistiku Prof. Vincent Marmarà.

Stephen Reid minn Lilliput Press (l-Irlanda) se jkun il-kelliem ewlieni tal-konferenza, u se jimpjega l-esperjenza tiegħu bħala manager tal-pubblikazzjoni biex jitkellem dwar ir-relazzjoni bejn l-awtur u l-pubblikatur u japplika dan għall-kuntest Malti.

Ara l-programm sħiħ hawnhekk.

Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, qal li wieħed mill-pilastri ta’ xogħol il-Kunsill huwa li jippromwovi l-aħjar prattiċi industrijali, imwieżna mill-fehim fil-fond li għandu tal-kuntest lokali u mill-ħeġġa sabiex il-Kunsill iżomm kont ta’ dak li qed jiġri barra minn Malta. Żied ukoll li avveniment bħalma huwa l-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb se toffri pjattaforma miftuħa u wiesgħa sabiex jiġu esplorati u diskussi mal-esperti dawk il-viji varji ’l fejn l-industrija lokali tista’ timxi.

“Il-konferenza se tagħti ċ-ċans lill-parteċipanti sabiex jikkontribwixxu b’mod dirett fid-diskussjonijiet dwar politiki tajbin li jgawdu minnhom l-imsieħba kollha tal-industrija”, sostna Camilleri. Irrimarka wkoll li d-diskussjonijiet kollha – inkluż is-sondaġġ u l-gruppi ta’ ħidma li se jkun hemm – se jinġabru f’dokument uffiċjali, li wara jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet relevanti u ppubblikat għal kulħadd.

B’dal-mod kull min jattendi l-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb jista’ jgħid li se jkollu sehem ewlieni fl-ippjanifikar ta’ din l-industrija għas-snin li ġejjin.Ir-reġistrazzjoni ta’ €30 għall-konferenza tinkludi d-dħul, parking, u ikla ta’ nofsinhar. Ir-reġistrazzjonijiet jagħlqu fl-20 ta’ April f’nofsinhar. Dawk interessati jistgħu jirreġistraw minn Submittable hawnhekk. Il-programm sħiħ issibu hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.