Skip to content

Il-Malti John Edward DeMicoli jirbaħ il-Premju Commonwealth għan-Novelli 2026 mir-reġjun tal-Kanada u l-Ewropa

Image of Il-Malti John Edward DeMicoli jirbaħ il-Premju Commonwealth għan-Novelli 2026 mir-reġjun tal-Kanada u l-Ewropa

Il-kittieb Malti John Edward DeMicoli huwa r-rebbieħ tal-Premju Commonwealth għan-Novelli 2026 mir-reġjun tal-Kanada u l-Ewropa. Il-Malti ta’ 53 sena kellu kompetizzjoni ħarxa minn kittieba oħra fl-istess reġjun, iż-żewġ Brittaniċi Alison Armstrong u Jennifer Harvey.

DeMicoli issa jgħaddi għall-fażi finali tal-aġġudikazzjoni, li fiha jintgħażel ir-rebbieħ jew rebbieħa fuq kulħadd, li jitħabbar fit-30 ta’ Ġunju. DeMicoli huwa wieħed minn ħames rebbieħa reġjonali li tħabbru llum mill-Fondazzjoni tal-Commonwealth.

L-istorja li rebaħ biha, The Bastion’s Shadow, turi lil dan il-ħaddiem li jaħdem mal-migranti, li quddiem is-swar tal-Belt Valletta jirrifletti dwar kif dawn il-fortifikazzjonijiet huma x-xhieda silenzjużi tal-memorja, fejn l-istorja u d-dinjità umana jimxu id f’id mingħajr daqq tat-trombi.

Aqra n-novella hawn.

DeMicoli qal li l-istorja tiegħu twieldet mill-faxxinu li għandu tal-istorja rikka tal-Belt Valletta, li għalih il-franka li bnietha ssorr fiha l-memorja ta’ sekli sħaħ. “Jekk tgħix Malta, ma tistax tinjora r-realtà tal-migrazzjoni fil-Mediterran, dal-baħar li fl-istess waqt huwa t-triq tat-tama iżda wkoll it-traġitt li fih in-nies tħalli ħajjitha. L-istorja timmaġina lil din il-belt qadima li nbniet biex tipproteġi lilha nnifisha, u kif illum kieku taġixxi man-nies li qed jaslu max-xtajtiet tagħha. Bis-saħħa tal-karattri Marlene u Amir, ridt nesplora kif l-att li wieħed jiftakar l-ismijiet tan-nies u jirrikonoxxi li għandhom dinjità jista’ fih innifsu jkun forma ta’ tutela siekta. Jekk il-karattri huma fittizji, id-damma ta’ emozzjonijiet li jsawru lill-istorja tiegħi tista’ tinnutaha kullimkien madwarna,” irrimarka l-awtur.

Dwar ir-rebħ tal-Premju, DeMicoli żied jgħid, “Huwa unur inkredibbli li rbaħt il-Premju Reġjonali qalb parteċipanti oħra ta’ dan il-kalibru. Il-kitba ta’ din l-istorja kienet proċess personali ħafna għalija, imsawwar mir-riflessjoni, l-onestà, u x-xewqa li nagħti vuċi lil xi ħaġa li tfisser bosta għalija. Ninsab grat lejn l-aġġudikanti li għarfu din ix-xi ħaġa ġo fija. Aktar minn hekk, din l-esperjenza kkonfermatli kemm l-istejjer huma mezz qawwi li jgħaqqad ħajjiet u perspettivi differenti flimkien. Ħerqan li nkompli niżviluppa xogħli u li nkun parti minn komunità li tagħti spazju lil kitba kuraġġuża u bi ħsieb.”

L-aġġudikanta li rrappreżentat lir-reġjun tal-Kanada u l-Ewropa, ir-rumanziera u skulara Norma Dunning faħħret “l-istorja li tfakkar b’forom mhux mistennija”. Żiedet tgħid li DeMicoli jistieden lill-qarrejja jimmaġinaw kif il-franka wkoll tiftakar. “Fuq is-swar tal-Belt hemm ismijiet li nkitbu bil-ġibs iżda li x-xita qliel ħassrithom. Madankollu l-ħitan jindunaw u jżommu l-istorja ta’ dawn l-ismijiet maħżuna ġol-ġebel. Din l-istorja ttarraġ l-antik mal-modern u tlaqqa’ żewġt iqlub mikdudin. DeMicoli jpinġilna xena ta’ ħdejn il-baħar li fiha kemm misteru u anki rassigurazzjoni, iżda aktar minn hekk, fiha r-reżiljenza tal-ispirtu uman u tal-antenati tagħna li jsaħħuna lkoll ta’ kuljum,” qalet Dunning.

Iċ-Chair tal-Aġġudikanti, Louise Doughty, qalet: “Hawnhekk għandna ħames kittieba kollha b’kunfidenza immensa fit-ton tagħhom, li prattikament jintgħaraf sa mill-ewwel sentenza. Filwaqt li l-istil u l-kontenut ivarja minn xogħol għal ieħor, dawn ir-rebbieħa reġjonali għandhom l-istess livelli ta’ abbiltà li jieħdu lill-qarrej fi vjaġġ f’dinja fejn il-karattri li jagħtuna huma veri daqs in-nies ta’ vera, fejn in-narrattiva tikkonvinċi, u fejn l-awtur jaf li għandu xi ħaġa importanti xi jgħid.”

Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jingħata kull sena lill-aħjar storja fittizja mhux ippubblikata maħruġa minn wieħed mis-56 membru tal-Commonwealth. Il-Premju huwa l-aktar wieħed aċċessibbli u internazzjonali mill-kompetizzjonijiet kollha tal-kitba: apparti l-Ingliż, jistgħu jiddaħħlu kitbiet bil-Bengali, iċ-Ċiniż, il-Creole, il-Franċiż, il-Grieg, il-Malaj, il-Malti, il-Portugiż, is-Samoan, is-Swaħili, it-Tamil, u t-Tork.

L-istejjer rebbieħa:

L-Afrika: ‘Me and Ma’am’ ta’ Lisa-Anne Julien (L-Afrika t’Isfel)

L-Ażja: ‘Mehendi Nights’ ta’ Sharon Aruparayil (L-Indja)

Il-Kanada/Ewropa: The Bastion’s Shadow’ ta’ John Edward DeMicoli (Malta)

Il-Karibew: ‘The Serpent in the Grove’ ta’ Jamir Nazir (Trinidad u Tobago)

Il-Paċifiku: ‘Second Skin’ ta’ Holly Ann Miller (New Zealand)

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.